Lokali

“Riforma u Tiġdid” – Il-Kunsill Ġenerali Straordinarju

Matul il-Kunsill Ġenerali Straordinjarju li tlaqqa’ l-Ġimgħa filgħodu, bit-tema ‘Riformi u Tiġdid – Governanza Tajba u Demokrazija b’Saħħitha’, il-Partit Nazzjonalista approva l-ħmistax-il proposta preżentati lilu.

Dan il-Kunsill Ġenerali wera proprju li l-interess u tiġdid nazzjonali kien, għadu u jibqa’ prijorità ewlenija għall-Partit Nazzjonalista.

Louis Galea inkarigat mir-riforma tal-Partit saħaq li f’Jum ir-Repubblika r-Repubblika Maltija għandha bżpnn tiġdid u riformi. Huwa sostna li l-istat kollu kemm irid urġentament jiġġedded, is-sistema kollha kemm hi għandha bżonn bidla bżonnjuża dan bil-għan li l-pajjiż ikun jista’ jiġġedded u jħares ‘il quddiem.

Huwa sostna li bosta taw sehmhom għal għan il-Partit Nazzjonalista li għadu u jibqa’ ta’ relevanza assoluta. Madanakollu preċiża jgħid li m’għadx fadal ħin x’jinħela sabiex il-pajjiż u l-partit joħroġ minn din il-kriżi li jinsab fiha biex dak kollu li għaddejjin minnu illum ma’ jerġax jiġri.

Louis Galea spjega li l-Kunsill ser ikun miftuh sa mhux aktar tard mill-10 ta’ Jannar – sabiex inkomplu ngħaġnu u ngħaqdu l-ideat tagħna sabiex inkompli nmexxu l-partit ‘il quddiem magħqudin flimkien.

Alessia Psaila Zammit, Kunsilliera Lokali fis-Siġġiewi, saħqet dwar l-importanza tal-għaqda sabiex il-partit jifroxxi fl-ideat u jibqa’ ghaddej b’riformi li huma meħtieġa, b’mod speċjali f’dan l-aktar kapitlu mudlam ta’ Gvern Laburista li kasbar u żeblaħ isem pajjiżna.

Janice Chetcuti, Kunsilliera oħra din id-darba fil-lokalità ta’ Marsaxlokk insistiet li f’sitt snin biss il-Gvern immexxi minn Joseph Muscat rnexxielu jżarma dak kollu li ħadem għalih u bena f’25 sena Gvern Nazzjonalista. Hija saħqet li minkejja li d-demokrazija f’pajjiżna preżentament tidher xewqa ‘l bogħod bi Prim Ministru ggranfat mal-poter – għandna nwarbu fil-ġenb il-jien u npoġġu quddiem għajnejna li aħna lkoll aħwa Maltin u Għawdxin.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għar-Riformi, Ċittadinanza u s-Simplifikazzjoni tal-Proċessi, Karol Aquilina saħaq li Joseph Muscat pinġa lilu nnifsu bħala ż-żagħżugħ politiku li kien ser iġib il-bidla fil-pajjiż, iżda il-verità hija li huwa magħruf bħala x-xiħ qalb il-korrotti u l-qattiela – verità issa magħrufa mad-dinja kollha.

Iċ-Chairman tal-Kummissjoni tal-Etika tal-PN, Michael Axiaq sostna li kull kostituzzjoni tiddependi min-nies li qed iħadmuha u preċiża jgħid li l-Ministri issa qed jistqarru li jiddispjaċihom li ġew traduti u mhux li ddieħqu bil-Partit Nazzjonalista l-għaliex kien qed jgħid il-verità.

Dan filwaqt li l-President tal-MŻPN, Joseph Grech sostna li l-Partit Nazzjonalista jrid jassigura li joffri alternattiva tajba għal dan il-Gvern l-għaliex qatt fl-istorja ma’ kienet daqshekk importanti l-għajta tas-sewwa jirbaħ żgur.

Tkellem ukoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Finanzi Mario de Marco fejn spjega li l-Partit Nazzjonalista għandu jissielet għal valur tas-sewwa bħala grupp, tim u partit wieħed flimkien mal-poplu l-għaliex din mhux ir-Repubblika li jixraq lilna u lit-tfal tagħna. Huwa saħaq li missirijietna ħadmu għal pajjiż mibni fuq il-valur tal-ġustizzja u libertà u għaldaqstant pajjiżna qatt ma kellu jgħaddi miż-żminijiet li għaddejjin minnhom.

Il-President tal-Amministrattiv Carm Mifsud Bonnici insista li dawn il-mumenti diffiċli jbasktu u jgħaqdu l-politiċi u l-Partit Nazzjonalista huwa kapaċi li jġib l-unur lura li jixraq lil Malta.

Mistieden kien hemm ukoll id-Direttur Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem Joe Farrugia fejn għamilha ċara li pajjiżna taħt Gvern Nazzjonalista għadda minn kriżijiet iżda dejjem mexxa lil pajjiżna ‘il quddiem, bl-Ewropej jistaqsu kif irnexxielna. Din id-darba hija ferm agħar u differenti l-għaliex il-kriżi ġejja minn ġewwa bil-barranin jinsabu bla kliem kif f’qasir żmien wasalna f’dan l-istadju.

Farrugia insista li l-prijorità għal dan il-pajjiż mhux li tinstab stabbilità fin-negozju iżda li ssir ġustizzja ma’ Daphne Caruana Galizia l-għaliex għax-xogħol tagħha ħalset b’ħajjitha.

Mario Thomas Vassallo – Lettur fil-Politika Pubblika fi ħdan id-Dipartiment tal-FEMA fl-Università ta’ Malta saħaq li partit politiku għandu r-responsabbiltà li jaqla’ l-pajjiż minn fejn niżel u li l-poplu jistenna li l-partit jagħmel ir-riformi fi ħdanu u fi ħdan l-istat. Vassallo insista li dawn ir-riformi qed jindikaw li jrid jaqleb il-folja.

Huwa saħaq ukoll li taħt Gvern Laburista l-klijentaliżmu u n-nepotiżmu kiber u tkattar l-għaliex issa biex issib xogħol trid tmur fl-uffiċjli tal-Prim Ministru.

Finalment, l-eks Kummissarju Ewropew u eks Viċi Prim Ministru Tonio Borg insista li l-Partit Nazzjonalista joffri alternattiva għal pajjiż fid-dlam u jrid id-dawl. Huwa sostna li dan mhux Gvern leġittimu l-għaliex il-mandat tiegħu huwa mtappan u mċappas b’affarijiet li l-poplu ma kellux idea tagħhom.