Lokali

Tintlaqat ukoll l-Open Day tal-PBS

Hu fatt magħruf li l-kriżi politika li għaddejja bħalissa fil-pajjiż laqtet diversi entitajiet pubbliċi u speċjalment privati, partikolarment il-ħwienet li raw tnaqqis drastiku fil-bejgħ tagħhom, minkejja li qed noqorbu dejjem aktar lejn il-Milied.

Ħafna qed jinnutaw li hi ħasra li l-ebusija tar-ras tal-Prim Ministru Joseph Muscat, li ma jitlaqx is-siġġu tiegħu f’Kastilja, qed taffettwa lil daqstant ħaddiema u lill-familji tagħhom.

Kriżi li ħafna qed iqisuha wkoll bħala ħaġa li laqtet ħażin ferm l-atmosfera issoltu ferriħija li jġib miegħu dan iż-żmien. Fost l-oħrajn, sar magħruf li għadd ta’ kumpaniji ħassru jew ipposponew ir-riċevimenti li normalment jorganizzaw għall-impjegati jew għall-klijenti tagħhom.

Intlaqtet ukoll l-attività li f’dawn l-aħħar snin kienet tkun organizzata mill-PBS f’Jum ir-Repubblika – l-Open Day għall-pubbliku biex jara l-binja minfejn l-istazzjonijiet tal-Istat.

Kien Edmund Tabone, id-Deputat Kap Eżekuttiv tal-kumpanija, li kkonferma li l-Open Day ta’ din is-sena ma kinitx se ssir. Madankollu, f’memo li bagħat lill-impjegati tlett ijiem qabel l-attività biex jinfurmahom b’din id-deċiżjoni, hu nħeba wara l-iskuża li l-operat tax-Xandir tal-Istat bħalissa għandu impenji straordinarji.

Iżda impjegati tal-kumpanija li tkellmu ma’ NET News spjegaw li l-vera biża’ tal-management tal-kumpanija kienet li matul l-Open Day, ikun hemm xi persuni li jieħdu l-opportunità u jipprotestaw fil-bini tax-Xandir tal-Istat.

Fil-fatt, hu mifhum li d-deċiżjoni finali ttieħdet l-għada li grupp ta’ żgħażagħ li jiffurmaw parti mill-grupp Graffitti pprotestaw fid-daħla tal-Berġa ta’ Kastilja.