Futbol Sport

Tripletta ta’ Majdevac tkabbar il-kriżi ta’ riżultati ta’ Santa Lucia

(Ritratt: Trevor Sollars)

Rapport: Stewart Said

SANTA LUCIA………… 0

BALZAN………………… 3

Santa Lucia: R. Caruana, F. Zunga, L. Galea, G. Bohrer Mentz, C. Escobar, J. Mendoza, L. Riascos, J. Magri Overend (D. Agius 65’), A. Magri Overend, R. Tachikawa (O. Elouni 77’), K. Ante Rosero

Balzan: K. Naumovski, A. Loof, M. Johnson (S. Bezzina 37’), A. Kosoric, I. Bozovic, P. Fenech, S. Pisani, U. Ljubomirac (L. Montebello 85’), S. Dimic (D. Camilleri 78’), A. Majdevac, A. Effiong

Imwissija: A. Loof 20’, A. Kosoric 24’, U. Ljubomirac 29’ (B), L. Riascos 29’, J. Mendoza 29’, J. Walker 84’, N. Borg 84’ (S)

Skorja: A. Majdevac 49’, 60’, 85’ pen (B)

Referee: Darryl Agius

Assistenti Referees: Chris Francalanza, Thomas Debono

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Uros Ljubomirac (Balzan)

BOV Plejer tal-logħba: Andrija Majdevac (Balzan)

Wara nuqqas ta’ żewġ logħbiet fil-kampjonat, Balzan irritornaw għar-rebħ bi tliet gowls fit-tieni taqsima ta’ Andrija Majdevac li għelbu lil Santa Lucia. B’din ir-rebħa, Balzan laħqu lil Ħamrun Spartans fis-sitt post u jħarsu b’ottimiżmu għall-impenn fis-Super Cup il-ġimgħa d-dieħla. Għal Santa Lucia hu inevitabbli li ma jgħidx li jinsabu fi kriżi ta’ riżultati hekk kif issa kisbu biss żewġ punti mill-aħħar disa’ logħbiet. Dan anki jekk f’din il-logħba, Santa Lucia ilmentaw diversi drabi fuq il-kontroll tar-referee Darryl Agius.

L-aħjar azzjoni tal-ewwel taqsima seħħet fil-31 minuta meta Jackson Mendoza kważi kkommetta awto-gowl meta minn free-kick ta’ Steve Pisani, prova jbiegħed id-daqqa ta’ ras ta’ Andrija Majdevac. Fis-37 minuta, Jacques Scerri kien sfurzat iwettaq bidla minħabba li weġġa’ d-difensur Michael Johnson. Floku daħal Steve Bezzina u sar spostament tattiku fid-difiża hekk kif Ivan Bozovic mar fil-pożizzjoni naturali tiegħu fuq il-lemin filwaqt li Augustine Loof mar f’pożizzjoni ċentrali.

Santa Lucia ħolqu l-ewwel azzjoni fl-ewwel sekondi tat-tieni taqsima b’xutt ta’ Camilo Escobar li ġie mdawwar f’korner minn Kristijan Naumovski. Balzan fetħu l-iskor fid-49 minuta meta kross fil-baxx mil-lemin ta’ Uros Ljubomirac sab lil ANDRIJA MAJDEVAC li kkontrolla u xeħet wara Ryan Caruana.

Żewġ minuti wara xutt fil-baxx ta’ Ljubomirac ġie mdawwar f’korner u fuq in-naħa l-oħra Naumovski dawwar ukoll f’korner xutt ta’ Adam Magri Overend. Balzan irduppjaw mas-siegħa logħob meta ANDRIJA MAJDEVAC tħalla żmarkat u għeleb lil Caruana wara korner ta’ Pisani.

Wara dan il-gowl, Balzan ikkontrollaw il-logħba skont ir-ritmu tagħhom, iżda Santa Lucia kienu sfortunati li ma daħlux fil-logħba fl-74 minuta meta xutt ta’ Kevin Ante Rosero riegħed il-wieqfa. Balzan għalqu l-logħba fit-83 minuta meta ngħataw penalty diskutibbli ferm għal dak li r-referee ġġudika fawl ta’ Luis Riascos fuq Alfred Effiong. Mill-11-il metru ANDRIJA MAJDEVAC ma żbaljax.