Lokali

AĠĠORNATA: Ir-riefnu jċarrat it-tinda tat-Tempji ta’ Ħaġar Qim

Ir-riefnu li qed jolqot lil pajjiżna kkawża diversi ħsarat madwar Malta u Għawdex. Matul il-lejl siġar, ħitan u saħansitra arbli waqgħu iżda fortunatament jidher li ħadd ma weġġa’ f’dawn l-inċidenti.

Ir-riħ qawwi li qed jippersisti wassal biex it-tinda li qed tipproteġi t-Tempji ta’ Ħaġar Qim mill-kurrenti ċċartet parti minnha. Għal xi ħin l-aċċess għat-tempji ngħalaq biex jiżguraw li m’hemm l-ebda periklu għal dawk preżenti.

Għall-ħabta tal-11 ta’ bil-lejl, siġra fi triq Tal-Barrani, fiż-Żejtun direzzjoni lejn Santa Luċija tqaċtet u għalqet żewġ karreġġjati. Dan b’kawża li nħoloq ammont kbir ta’ traffiku sakemm is-siġra tneħħiet minn nofs it-triq.

Siġra oħra waqgħet f’San Anton. F’Triq il-Wied, Birkirkara wkoll waqgħet siġra u għalqet waħda mill-karreġġjati. F’Triq San Pawl tal-Qlejja, il-Mosta l-fergħat tas-siġar kollha li waqgħu għalqu kompletament it-triq u waqa’ anke ħajt temporanju fl-istess triq fuq karozza pparkjata.

Triq San Pawl tal-Qlejja, il-Mosta

Fi Triq l-Imqabba, l-Imqabba fergħa li tinsab imdendla u waslet biex taqgħa qed twassal għall-possibiltà li tikkawża xi inċident għal vetturi li jkunu għaddejjin mit-triq.

Ġewwa Ħal Luqa, wħud mill-barrieri tal-plastik li kienu qed jaqsmu karreġjata minn oħra waqgħu u oħrajn imxew minn fejn kien posthom.

F’Marsaskala, ir-riħ qawwija li kien hemm matul il-lejl ikkawża biex arblu tad-dawl u ħajt li jinsabu fi Triq il-Maħsel u Triq l-Aħdar waqgħu wkoll u f’Ħ’Attard waqa’ ħajt ieħor fuq tliet karozzi pparkjati.

Triq il-Maħsel, Marsaskala
Triq l-Aħdar, Marsaskala

F’Triq Bubaqra, iż-Żurrieq arblu ieħor tqaċċat fi tnejn matul il-lejl, b’kawża li kien ta’ periklu għal dawk li jgħaddu mit-triq hekk kif kien imdendel u niżżel arbli oħra.

Triq Bubaqra, Żurrieq

Ġewwa Ħal Far viċin iċ-ċentru miftuħ tal-immigranti, waqa’ wkoll kontejner.

Fi Triq San Pawl, San Pawl il-Baħar, kien hemm bżonn tliet snin ta’ lmenti mir-residenti biex sar sprall f’din it-triq. Iżda minkejja li dan sar, l-ilma xorta waħda qed jinġema f’għadira waħda flok jaqleb lejn l-isprall.

Triq San Pawl, San Pawl il-Baħar

Festival tal-Esports mifrux fuq tlett ijiem li għalih attendew ukoll diversi kompetituri barranin kellu jiġi pospost, b’attentati biex għallinqas jibda llum wara nofsinhar. Dan wara li r-riħ qawwi għamel ħsara fuq it-tinda tal-MFCC tant li saħansitra nqalgħu xi bibien. Dan bil-konsegwenza li l-organizzaturi spiċċaw lanqas jistgħu jaċċessaw il-post.

It-tinda tas-Centenary Stadium f’Ta’ Qali wkoll ġarbet ħsarat konsiderevoli, b’konsegwenza li l-logħob tal-kampjonat BOV Premier tal-lum ġew imħassra bħala prekawzjoni.

Minħabba l-maltemp li laqgħat lil pajjiżna, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol ħassret ukoll festival tal-futbol li kien ippjanat għal tfal ta’ taħt it-12-il sena. Dan apparti li ġew ikkanċellati diversi logħob, fosthom dawk għall-U15s tan-nisa li kienu se jintlagħbu f’Ħad-Dingli.

Bħalissa r-riħ jinsab forza 8 iżda mistenni li sal-lejla jonqos għal forza 6. B’hekk, il-kumpanija Gozo Channel ħabbret li l-vapuri bħalissa qed joperaw mir-rotta ta’ Kemmuna u minħabba f’hekk jaf ikun hemm xi dewmien.