Lokali

Chris Fearne jikkopja l-proposti tal-Partit Nazzjonalista

Wara li ilu 6 snin sħaħ spalla ma’ spalla ma’ Joseph Muscat, issa…id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne jrid jindirizza l-kriżi tar-rule of law. Irid li jkollna governanza tajba. U qed joħodha bi kbira fuq il-mod li bih qed jitmexxxa l-Korp tal-Pulizija – kollha punti li l-PN ilu snin jitkellem dwarhom.

Iżda bhal donnu li issa, għax jinsab f’nofs il-ġirja għal-leadership Laburista, Chris Fearne qed jipprova jdoqq diska differenti. Anzi…agħar minn hekk. Saħansitra qiegħed jikkopja l-proposti li tressqu mill-Kap tal-PN Adrian Delia fil-Kunsill Ġenerali Straordinarju li tlaqqa’ f’Jum ir-Repubblika sabiex tiġi diskussa l-kriżi politika li daħħalna fiha l-Gvern Laburista.

Meta kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet bħala parti mill-kampanja tiegħu sabiex jieħu post Joseph Muscat, Fearne stqarr illi Prim Ministru m’ghandu qatt iwettaq investigazzjonijiet. Stqarrija fejn juri bic-car illi ma qabilx li Joseph Muscat intervjena fir-rwol tal-Kummissarju Pulizija.

Mistoqsi mill-ġurnalisti dwar jekk l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri għandux jiġi investigat b’rabta max-xhieda li ngħatat fil-Qorti fl-ahhar jiem, Chris Fearne qal li għandhom jiġu investigati l-persuni kollha li ssemmew b’rabta mal-investigazzjonijiet dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li l-mira ewlenija tiegħu hi li sa l-ewwel mitt mitt jum jembarka fuq strateġija fejn isir tibdil Kostituzzjonali – xi ħaġa li l-PN ilu żmien twil jinsisti dwarha.

Minkejja li l-Partit Laburista dejjem ipprova jwaqqa’ għaż-żuffjett il-proposti tal-Partit Nazzjonalista dwar il-ħatra tal-Kummissarju u l-Avukat Ġenerali, Fearne issa qed jaqbel ma’ ħatra bis-sistema taż-żewġ terzi. Mill-ewwel konferenza tal-aħbarijiet li ta f’din il-kampanja – li qed issir fl-eqqel tal-festi – huwa ċar ukoll li Chris Fearne qed jirrikonoxxi l-falliment tal-Lejber fejn jidħlu temi bħall-housing, l-ambjent u l-Kunsilli Lokali.