Lokali

Coleiro Preca tirritorna fl-arena politika kontra Robert Abela

Hekk kif ġa bdiet tiħrax sewwa t-tellieqa għat-tmexxija tal-Partit Laburista, u awtomatikament għat-tmun ta’ pajjiżna, f’mossa deskritta minn dawk mill-Partit Laburista bħala waħda li l-għan tagħha hu li tfixkel bil-kbir lil Robert Abela, il-President Emeritus Marie Louise Coleiro Preca ħarġet messaġġ ta’ appoġġ sħiħ u ferventi lir-rivali tiegħu Chris Fearne.

L-eks president tirritirona fl-arena politika kontra Robert Abela b’messaġġ f-forma ta’ filmat, Coleiro Preca teloġja lid-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Chris Fearne fuq kull livell u tinsisti li huwa HU l-għażla tal-mument.

Marie Louise Coleiro Preca kienet ukoll ikkontestat għat-tmexxija tal-Partit Laburista lura fl-2008, meta wieħed mill-kandidati l-oħra kien propju missier l-avversarju ta’ Fearne f’dit-tellieqa, George Abela.

Dakinhar George Abela ġab 200 vot mid-delegati Laburisti, l-akbar numru ta’ voti wara Joseph Muscat, filwaqt li Marie Louise Coleiro Preca ġabet biss 26 vot.

Minbarra l-ġlieda diretta għat-tmexxija, iż-żewġ eks Presidenti sabu ruħhom fuq żewġ naħat differenti wkoll meta L-eks Deputat Mexxej tal-Partit Laburista George Abela xehed kontra l-istess Coleiro Preca fil-każ tal-inċident ta’ Paqpaqli. Dakinhar, George Abela kien qal li meta kien President, hu kien iġorr fuqu kull responsabbiltà għall-avvenimenti ta’ Paqpaqli, b’kuntrast mal-pożizzjoni li ħadet Marie Louise Coleiro Preca meta kienet qalet li hi ma kelliex rwol dirett mal-attivita.