Lokali

“Dawk fil-poter abbużaw mill-pożizzjoni tagħhom biex jiffaċilitaw attività kriminali” – il-Kamra tal-Kummerċ

"Dawk kollha involuti għandhom jerfgħu r-responsabbiltà għall-imġiba tagħhom u jħallsu l-konsegwenzi. L-azzjonijiet li wettqu ma jistgħu qatt ikunu ġġustifikati".

Fi stqarrija, il-Kamra tal-Kummerċ, filwaqt li qablet mad-diskors tal-bieraħ tal-President George Vella, saħqet li kienet il-kriminalità li wasslet lil pajjiżna f’din is-sitwazzjoni preżenti. Madanakollu, fis-snin li ġejjin, se jkunu n-negozji u l-impjegati li se jispiċċaw iġorru l-ispiża enormi ta’ din l-imġiba abbużiva ta’ xi wħud .

Il-Kamra tal-Kummerċ temmen li huwa verament tal-biża’ li dawk f’pożizzjonijiet għolja u ta’ awtorità qed jużaw il-pożizzjoni tagħhom sabiex jiffaċilitaw attività kriminali.

“Dawk kollha involuti għandhom jerfgħu r-responsabbiltà għall-imġiba tagħhom u jħallsu l-konsegwenzi. L-azzjonijiet li wettqu ma jistgħu qatt ikunu ġġustifikati”.

Fis-snin u xhur li għaddew il-Kamra esprimiet pubblikament u privatament it-twemmin bla waqfien tagħha fit-tliet pilastri ewlenin ta’ governanza tajba: ir-Responsabbiltà, it-trasparenza u s-saltna tad-Dritt. Hija timpenja ruħha li tipprovdi l-kontribut attiv tagħha u l-appoġġ għar-riformi li jridu jittieħdu sabiex jiġi żgurat li dawn it-tliet pilastri jiġu msaħħa fil-futur.

Il-Kamra tal-Kummerċ hija impenjata biex tiżgura li Malta togħla ‘l fuq mil-azzjonijiet kriminali ta’ xi wħud u li l-pajjiż ikollu standards trasparenti, etiċi u professjonali madwar il-livelli kollha u f’kull aspett tal-ħajja.