Internazzjonali

Iddentifikata l-ewwel vittma tal-iżbroff tal-vulkan fi New Zealand

Tfajla Awstraljana ta’ 21 sena hi waħda mill-vittmi tal-vulkan li żbroffa fil-bidu tal-ġimgħa.

It-tfajla, Krystal Eve Browitt kienet fimkien mal-familja tagħha għal vaganza. Missierha, Paul u oħtha, Stephanie jinsabu t-tnejn rikoverati fi sptar isofru minn feriti serji.

B’kollox, 15-il persuna ġew ikkonfermati vittmi mill-inċident li seħħ it-Tnejn. Dan filwaqt li 20 persuna oħra jinsabu f’kura intensiva minħabba ħruq li sofrew.

S’issa, l-aħħar vittma tilfet ħajjitha s-Sibt ġewwa sptar. Il-proċess biex jiġu ddentifikati l-vittmi huwa wieħed twil minħabba l-kundizzjoni li nstabu fiha.

Il-baħar madwar il-gżira jinsab ikkontaminat tant li saħansitra ħafna ħut mietu wara l-iżbroff. Il-bugħaddasa qed ikollhom jilbsu tagħmir protettiv speċjalizzat għas-sigurtà tagħhom.