Lokali

Inkompetenza mill-Kunsill Laburista tas-Siġġiewi

Waqt li f’pajjiżna kienet bdiet kriżi politika mill-Gvern Laburista, il-kunsilliera tal-Partit Laburista fis-Siġġiewi ressqu mozzjoni fil-laqgħa tal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi u rrifjutaw li jikkonsultaw mal-pubbliku dwarha. Mhux biss, il-mozzjoni kif miktuba tirreferi aktar dwar li jitħarsu l-interessi tal-Gvern Laburista milli  tar-residenti Siġġiwin.

Il-mozzjoni ġiet preżentata mis-Sindku, Kurstein Sant biex jirtira appell dwar l-proġett ta’ social housing fis-Siġġiewi. Kurstein Sant ressaq din il-mozzjoni, li ġiet ssekondata mill-kunsilliera Laburista. Iżda s-Sindku Laburista lanqas biss kien jaf d-dettalji tal-appell li dwaru ressaq din l-mozzjoni.

Fil-kummenti tiegħu Kurstein Sant qal li l-appell li kien qed jirreferi għalih huwa dwar erba’ units residenzjali biss ta’ social housing. Hawnhekk intervjeniet il-minority leader, Alessia Psaila Zammit li ġibdet l-attenzjoni tas-Sindku Laburista li l-mozzjoni tiegħu stess tirreferri għal appell fuq 80 unit residenzjali, li jrid jagħmel il-Gvern fis-sit imsemmi, u mhux 4 biss, kif kien għadu kif qal. Hi qalet li ma tistax tifhem kif wieħed jista’ jkollu serħan il-mohh fuq t-tmexxija Laburista tal-Kunsill tas-Siġġiewi meta s-Sindku jressaq mozzjoni li qas biss jaf x’fiha.

Kurstein Sant kien diġà ressaq mozzjoni tlett xhur ilu biex jirtira appell li kien għamel hu stess għaliex kien qal li għamlu bla ma kien jaf dettalji dwar l-applikazzjoni. Dik d-deċiżjoni swiet lill-Kunsill Lokali €1,200 minn flus li suppost ntużaw għall-ġid tas-Siġġiwin. 

Il-kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista, Alessia Psaila Zammit, Julian Borg u Francine Farrugia lkoll saħqu fuq il-bżonn li qabel l-Kunsill jieħu deċiżjoni li jirtira appell għandu jagħmel laqgħa pubblika biex il-kunsilliera Laburista jispjegaw lir-residenti Siġġiwin ir-raġunijiet għaliex iridu jirtiraw appell.

Matul id-diskussjoni, il-kunsilliera Laburista baqgħu jirrrifjutaw li jiffaċċjaw lill-pubbliku u jikkonsultaw dwar din id-deċiżjoni. Kien hawnhekk li l-kunsillier Julian Borg ikkwota l-manifest elettorali tal-Partit Laburista stess u fakkar lill-kunsilliera Laburista li kienu wegħdu li se jikkonsultaw mal-pubbliku fuq proġetti kbar ta’ ċvilupp fis-Siġġiewi. Hu sostna li issa kienu qed jagħmlu bil-kontra ta’ dak li wegħdu ftit xhur ilu biss.

Il-mozzjoni kienet tirreferi diversi drabi fuq il-bżonn li jiġu mħarsa interessi tal-Gvern, bil-kunsilliera Nazzjonalista Francine Farrugia tiġbed l-attenzjoni li l-Kunsill Lokali għandu l-ewwel u qabel kollox iħares l-interessi tar-residenti. Iżda l-kunsilliera Laburista baqgħu jirrifjutaw li ssir laqgħa pubblika mas-Siġġiwin kollha.

Il-kunsilliera Nazzjonalista ressqu emendi għal kull paragrafu tal-mozzjoni preżentata mis-Sindku u sostnew li  l-mozzjoni eskludiet informazzjoni utli.
Xi ftit residenti li kienu preżenti għal laqgha tal-Kunsill Lokali talbu lis-Sindku Laburista jagħmel laqgħa ta’ konsultazzjoni mal-pubbliku kollu tas-Siġġiewi iżda baqa’ jirrifjuta. Minn fost dawk li ġew isegwu l-laqgħa tal-Kunsill Lokali, kien biss l-ex kunsillier Laburista Nicholas Cassar li ddefenda lis-Sindku u l-kunsilliera Laburista.