“Il-Partit Nazzjonalista qiegħed hawn biex iservi u jġib il-bidla li tixraq lil pajjiżna”
Dan qalu il-Kap tal-Partit Adrian Delia fuq Net FM dalgħodu, meta kien il-mistieden ta’ Angelo Micallef.
Adrian Delia qal li spiċċa ż-żmien tal-politika partiġġjana u wasal iż-żmien li verament nagħmlu dak li huwa ta’ ġid għal pajjiżna, fejn ningħaqdu u jkollna l-kuraġġ li nemmnu li Malta aħna lkoll.
Il-Partit Nazzjonalista qiegħed hawn biex iservi, biex jaqdi u jġib il-bidla li hemm bżonn biex flimkien nerġgħu nħossuna kburin li aħna Maltin. Hu rrefera għall-kriżi li għaddej minnha pajjiżna u qal li llum nistgħu ngħidu li l-amministrazzjoni kollha tal-Gvern hija kompliċi. Il-Ministri u l-Membri Parlamentari Laburisti kollha ghandħom dell fuqhom. L-Eżekuttiv kollu Laburista għażlu l-interess tal-partit tagħhom qabel l-interess Nazzjonali.
Huwa qal li l-qofol tat-tnawwir jinsab f’Kastilja, minfejn inħataf il-Gvern u fejn l-għodda u r-riżorsi tal-pajjiż ma ntużawx għall-ġid komuni iżda għall-ftit li jinsabu maqbudin f’attivitajiet kriminali.
Adrian Delia qal li matul il-Kunsill Generali straordinarju tal-PN tressaq dokument li huwa r-risposta għal dak li qiegħed iseħħ f’pajjiżna. Id-dokument Riforma u Tiġdid: fih proposti radikali ta’ kif issir il-politika f’pajjiżna.
Huwa spjega kif hemm proposti biex il-poplu Malti u Għawdxi jkollu f’idejh għodda iktar qawwija u iktar tajba biex jassigura li kull min ikun involut fit-tmexxija u fl-amministrazzjoni, jkun suġġett għall-għassa li tara li qed jaqdi dmiru. Fl-isfond tal-kriżi li jinsab għaddej pajjiżna, l-Partit Nazzjonalista qed juri t-triq ‘il quddiem għal politika imparzjali u onesta, għat-tisħiħ tad-demokrazija, l-integrità, s-saltna tad-dritt u għall-ġustizzja li huma bżonnjużi fl-immedjat għal pajjiżna, mingħajr korruzzjoni.
Adrian Delia fakkar kif din il-ġimgħa, l-Qorti ordnat li jiġi ppreżentat ir-rapport ta’ evalwazzjoni, liema rapport kien għamel referenza għalih Konrad Mizzi f’kawża dwar kif sar il-ftehim biex Vitals jispiċċaw is-sidien ta’ tliet sptarijiet. Dan irid jiġi jitressaq fis-seduta li jmiss. Adrian Delia qal li huwa qiegħed jitlob lill-Qorti li treġġa lura l-kuntratt li sar mal-Vitals, kuntratt li sar biex ifalli, kuntratt maħmuġ li wassal biex intilfu għexieren ta’ miljuni ta’ ewro. Din kienet serqa u ħadma minn fuq dahar il-poplu.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li nhar it-Tnejn, mistennija d-deċiżjoni dwar il-publikazzjoni tar-rapport dwar il-kumpanija sigrieta Egrant, talba li għamel hu stess lill-Qorti, wara li Joseph Muscat kien qal li se jippubblika u l-Avukat Ġenerali qed jibqa’ jiġġieled biex iżommu moħbi jew maqful f’xi kexxun. Huwa qal li hekk kif il-pajjiż spiċċa f’din il-kriżi, għandha ssir ġustizzja ma kull min kellu x’jaqsam ma dawn l-istrutturi ta’ kumpaniji sigrieti nkluż min għenhom.
Adrian Delia saħaq li pajjiżna huwa ‘l fuq mill-partiti, u temm bil-messaġġ “Malta intom, aħna lkoll ta’ Malta, aħna lkoll għal Malta”.
//= $special ?>