Lokali

Tifel jisfronda bih saqaf ta’ dar abbandunata

Tifel ta’ 12-il sena qed isofri xi ġrieħi wara li daħal f’dar abbandunata u waqa’ s-saqaf bih b’kollox.

Il-każ seħħ għall-ħabta tat-3.15 ta’ wara nofsinhar fi Triq il-Knisja, Marsaskala.

Jidher li t-tifel daħal f’dar abbandunata li hemm fl-istess triq u waqt li kien qed idur fiha, is-saqaf waqa’ u niżel xi sulari bih.

Fuq il-post mar tim mediku u ambulanza li ħadet minnufih lit-tifel l-Isptar Mater Dei għall-kura. Hu ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċient għadhom għaddejjin.