Sport Sport Ieħor

Alf De Melandre jissorprendi fil-finali Premier

(Ritratt: Malta Horse Racing)

Rapport: Kenneth Vella

Fil-korsa tal-Marsa, il-Ħadd waranofsinhar nieżel is-siparju fuq l-istaġun 2019, bil-61 u l-aħħar laqgħa tas-sena fuq għaxar tiġrijiet kollha għal żwiemel tat-trott. Ħamsa minn dawn kienu finali għal żwiemel Franċiżi fuq distanza twila ta’ 2640m, bil-Prix Ile De France għal żwiemel tal-klassi Premier tkun l-aktar mistennija. Din intrebħet minn Alf De Melandre ta’ Rodney Gatt.

Tnax-il żiemel ġrew fil-finali tal-klassi Premier b’Vertiginous (Charles Camilleri) ikun l-aktar wieħed b’saħħtu wara l-karozza tat-tluq. Din il-finali ewlenija kienet ikkaratterizzata minn dwell eċċitanti fid-dritta finali bejn l-istess Vertiginous u Alf De Melandre (Rodney Gatt) li beda jżid fil-ġiri dawra mit-tmiem. Kien iż-żiemel ta’ Gatt li ħa t-tieni rebħa f’Malta b’Vakato (Chris Grech), Vichenko Chef (Clifferty Calleja) u Ulysse Du Bouchet (Paul Galea) iħallu wkoll impressjoni tajba.

Baron Du Chene (Charles Degiorgio) li mar quddiem dawra mit-tmiem tal-finali Prix De Normandie tal-klassi Gold, inqabeż fl-aħħar metri minn Vito Des Landiers (Charles Camilleri) li akkwista t-tielet rebħa fi gżiritna minn Un Beau Luxor (Paul Galea) u Boss Du Marny (Paul Galea). Vaillant Zailer (Michael Ellul) temm fil-ħames pożizzjoni.

Blason Du Vif (Rodmey Gatt) ħa t-tieni rebħa f’Malta fil-finali tal-Prix De La Cote d’Azur tal-klassi Silver wara li eżatt fuq il-linja finali rnexxielu jaqbeż lil Bolide Atout (Clifferty Calleja) li kien għal ħafna metri quddiem. Uveo Du Maza (Noel Baldacchino), Azur (Chris Vassallo) u Apache Reyor (Dylan Baldacchino) kellhom ukoll wirja tajba.

Fil-Prix De Bretagne tal-klassi Bronze, Fazio Josselyn (Noel Baldacchino) kien il-ħin kollu quddiem u rebaħ b’distakk ta’ sitt tulijiet minn Concerto Cehere (Charles Camilleri), Volt De Jamac (Kirsten Axisa) u Calin Du Perou (Ramon Briffa). Ugolin Du Rib (Kirsten Gialanzè) temm fil-ħames pożizzjoni. Għal Fazio Josselyn, din kienet ir-raba’ rebħa staġjonali u f’Malta.

L-ewwel finali tal-programm kienet il-Prix Val De Loire tal-klassi Copper. Hawnhekk Demeter Tege (Clint Vassallo) qabżet il-linja finali l-ewwel iżda ġiet skwalifikata minħabba li biddlet il-pass fl-aħħar metri. Ir-rebbieħ ġie dikjarat Diego JYL (Jason Zahra) li kien temm warajha fit-tieni pożizzjoni.

Fi tmiem kull finali saret il-preżentazzjoni lis-sidien u sewwieqa taż-żwiemel rebbieħa u li tmexxiet minn Emmanuelle Morvillers, f’isem l-assoċjazzjoni Franċiża Le Trot. Dan fil-preżenza ta’ Edwin Borg, chairman tal-Malta Racing. Club. Ta’ min wieħed jinnota wkoll li matul l-istess programm Rodney Gatt ġie ppremjat bħala l-aħjar sewwieq għall-istaġun 2019. Ilbieraħ hu wkoll kellu laqgħa impressjonanti meta rebah erba’ tiġrijiet.

Ir-riżultati kollha

I Tiġrija Klassi Copper. Dist – 1640m. 1. Joyus (N. Baldacchino) Ħin – 2.05.1” (1.16.3”) 2. More Mad Money (K. Saliba) 3. Volga De Tortuga (J. Gaffarena) 4. Barkaks Barabbas (J. Briffa)

II Tiġrija Klassi Bronze. Dist – 1640m. 1. Capello Vici (K. Saliba) Ħin – 2.05” (1.16.2”) 2. Glamorous (A. Cassar) 3. Rodrigo (R. Schembri) 4. Wilmer West (T. Tanti)

III Tiġrija Klassi Bronze. Dist – 1640m. 1. Utian Joy (V. Camilleri) Ħin – 2.05.1” (1.16.3”) 2. Record Du Mexique (M. Cauchi) 3. Quite A Man (M. Bonnici) 4. Theo Des Landiers (M. Mifsud)

IV Tiġrija Klassi Bronze. Dist – 1640m. 1. Chippen As (R. Gatt) Ħin – 2.02.3” (1.14.6”) 2. Mr Planner (J.P. Polidano) 3. Likearollingstone (C. Vassallo) 4. Andreafilou (P. Galea)

V Tiġrija Finali Prix Val De Loire. Klassi Copper. Dist – 2640m. 1. Diego JYL (J. Zahra) Ħin – 3.24.8” (1.17.6”) 2. Celebre Sublignais (M. Ellul) 3. Echo De Chanteins (J. Gafa’) 4. Roc Magister (K. Axisa) 5. Dakota Atout (M. Mifsud)

VI Tiġrija Finali Prix De Bretagne. Klassi Bronze. Dist – 2640m. 1. Fazio Josselyn (N. Baldacchino) Ħin – 3.20.2” (1.15.8”) 2. Concerto Cehere (C. Camilleri) 3. Volt De Jamac (K. Axisa) 4. Calin Du Perou (R. Briffa) 5. Ugolin Du Rib (K. Gialanze’)

VII Tiġrija Finali Prix De La Cote d’Azur. Klassi Silver. Dist – 2640m. 1. Blason Du Vif (R. Gatt) Ħin – 3.23.3” (1.17”) 2. Bolide Atout (C. Calleja) 3. Uveo Du Maza (N. Baldacchino) 4. Azur (C. Vassallo) 5. Apache Reyor (D. Baldacchino)

VIII Tiġrija Finali Prix De Normandie. Klassi Gold. Dist – 2640m. 1. Vito Des Landiers (C. Camilleri) Ħin – 3.18” (1.15”) 2. Un Beau Luxor (P. Galea) 3. Boss Du Marny (K. Galea) 4. Baron Du Chene (C. Degiorgio) 5. Vaillant Zailer (M. Ellul)

IX Tiġrija Finali Prix Ile De France. Klassi Premier. Dist – 2640m. 1. Alf De Melandre (R. Gatt) Ħin – 3.17.9” (1.15”) 2. Vertiginous (C. Camilleri) 3. Vakato (C. Grech) 4. Vichenko Chef (C. Calleja) 5. Ulysse Du Bouchet (P. Galea)

X Tiġrija Klassi Silver. Dist – 1640m. 1. Camelot Sisu (R. Gatt) Ħin – 2.01” (1.13.8”) 2. Demonm De Babel (C. Calleja) 3. Global Taxevation (J. Zahra) 4. Viens Tu Diego (C. Camilleri)