Futbol Sport

Floriana jtemmu l-ewwel rawnd sitt punti vantaġġ fil-quċċata

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Rapport: Stewart Said

SLIEMA WANDERERS……… 1

FLORIANA………………………. 2

Sliema: E. Elezaj, G. Barone, K. Shaw, G. Adamovic (J. Cruz Gill 73’), J. Mintoff, C. Pani, P. Xuereb, E. Agius, C. Zappa (M. Scerri 63’), J. Cisotti, J.P. Farrugia (A. Satariano 45’)

Floriana: I. Akpan, A. Cini, E. Ruiz, M. Muhamadou, J. Pisani, D. Venancio, M. Garcia, B. Paiber (B. Sciberras 85’), J. Busuttil (C. Borg 81’), T. Fonseca, K. Keqi

Imwissija: G. Adamovic 35’, C. Pani 74’, A. Satariano 92’, J. Mintoff 94’ (S), B. Paiber 68’, J. Busuttil 69’ (F)

Skorjaw: T. Fonseca 3’, J. Busuttil 69’ (F), J. Mintoff 54’ (S)

Referee: Philip Farrugia

Assistenti Referees: Duncan Sultana, Duncan Spencer

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Tiago Fonseca (Floriana)

BOV Plejer tal-logħba: Jan Busuttil (Floriana)

Floriana temmew l-ewwel rawnd mingħajr telfa u b’vantaġġ ta’ sitt punti fil-quċċata wara rebħa fuq ir-rivali Sliema Wanderers. Kien gowl ta’ Jan Busuttil li ddeċieda l-partita, f’logħba li Floriana tħabtu aktar milli mistenni.

Sliema kienu ġejjin minn tliet rebħiet konsekuttivi fil-kampjonat u għalkemm il-kowċ Alfonso Greco ma setax jilgħab bl-aħjar formazzjoni, il-prestazzjoni tas-Slimiżi ma kinitx negattiva. Dan minkejja li ma ħolqux periklu kbir lejn il-lasta ta’ Ini Akpan.

Għal din il-logħba, il-kowċ ta’ Floriana Vincenzo Potenza għamel żewġ bidliet mill-formazzjoni tipika. Moustapha Muhamadou beda flok is-sospiż Ryan Camenzuli, b’Jurgen Pisani jilgħab fuq ix-xellug tad-difiża. Jan Busuttil beda flok Matias Garcia u Brandon Paiber lagħab aktar irtirat f’nofs il-grawnd. Il-kowċ ta’ Sliema Alfonso Greco kellu neqsin lil Michele Sansone u Seydou Sow filwaqt li Mark Scerri beda fuq il-bank tas-sostituti. Dan minbarra li fil-logħba weġġgħu l-plejers offensivi Jean Paul Farrugia u Claudio Zappa.

Floriana fetħu l-iskor wara biss tliet minuti meta d-difiża Slimiża naqset li tbiegħed il-periklu fil-kaxxa u kien TIAGO FONSECA li b’konklużjoni fil-baxx għeleb lil Entonio Elezaj. Jan Busuttil mar qrib li jirdoppja fil-21 minuta b’xutt minn tarf il-kaxxa li għadda ftit barra, biex seba’ minuti wara, Elezaj ħareġ jimblokka tajjeb fuq l-istess Busuttil.

It-tim ta’ Vincenzo Potenza kważi rdoppja man-nofs siegħa logħob, b’daqqa ta’ ras ta’ Fonseca tkun imbiegħda fuq il-linja minn Goran Adamovic. Sliema appellaw għal penalty fil-35 minuta għal imbuttatura fuq Edmond Agius iżda r-referee Philip Farrugia ħalla l-logħob għaddej.

Sliema ġabu d-draw fl-54 minuta bi kross preċiż fil-baxx ta’ Kurt Shaw jgħaddi tul il-lasta lejn JOHN MINTOFF li minn quddiem Akpan spara fix-xibka. Ir-risposta ta’ Floriana waslet erba’ minuti wara b’xutt minn barra l-kaxxa ta’ Busuttil għadda barra. Il-gowl tar-rebħa wasal fid-69 minuta meta mil-lemin, Kristian Keqi lagħab il-ballun lura lejn JAN BUSUTTIL li minn qagħda ideali fil-kaxxa għeleb lil Elezaj b’xutt fil-baxx.

Floriana kkontrollaw il-logħba, b’Sliema dgħajfa fl-attakk biex ikunu perikolużi. Fis-86 minuta Kurt Shaw prova b’daqqa ta’ ras li għaddiet fuq il-mimduda wara kross mix-xellug ta’ Juri Cisotti. Fl-aħħar sekondi, Sliema tefgħu lil Floriana aktar fid-difiża bl-aħħar attentat jasal fl-94 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ Cisotti li iżda kienet ċentrali u salvata minn Akpan.