Lokali

“Għandna kriżi tal-istituzzjonijiet” – il-Prim Imħallef Emeritu Vincent DeGaetano

“Is-sitwazzjoni bhalissa tinkwetani hafna ghax tqajjem hafna mistoqsijiet: Is-sistema legali u gudizzjarja taghna hi effettiva biex tistħarreġ u tikkastiga l-korruzzjoni? Il-Kostituzzjoni tagħna hi mgħammra bl-għodod meħtieġa għal sitwazzjonijiet barra min-normal? Is-sistema politika tagħna b’żewġ partiti politiċi ewlenin hi iktar vulnerabbli għal ħallelin u frodisti?”

“Nammetti li m’għandix risposta immedjata għal dawn il-mistoqsijiet”. Kliem il-Prim Imħallef Emeritu Vincent DeGaetano, f’intervista mal-gazzetta The Sunday Times of Malta hekk kif jinsab lura Malta wara li temm żewġ termini bħala Mħallef tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem.

Mistoqsi jekk Malta bħalissa għandhiex kriżi Kostituzzjonali, l-Imħallef DeGaetano qal li bħalissa għandha kriżi tal-istituzzjonijiet għaliex qed tolqot entitatjiet u persuni pubbliċi li ma nħolqux mill-Kostituzzjoni. Dawn jinkludu l-pulizija, il-partiti politiċi u regolaturi u awtoritajiet varji li nħolqu tul is-snin.

Hu tenna li l-Kostituzzjoni Maltija hi essenzjalment b’saħħitha, iżda jekk in-nies maħtura biex jamministrawha m’għandhomx dik li sejjaħ il-moralita’ kostituzzjonali, il-Kostituzzjoni tispiċċa isservi l-interessi tal-individwu jew tal-partit minflok il-ġid komuni.

L-Imħallef DeGaetano stqarr li ma jaqbilx ma’ min qed jgħid li l-President għandu ftit poteri. Minbarra l-fatt li l-President jista’ jneħħi Ministru jew Prim Ministru jekk il-pożizzjoni tiegħu ma tibqax waħda tenibbli, iżda l-President għandu l-awtorita’ jekk mhux id-dmir morali li jitkellem kontra dak kollu li jherri l-moralita’ kostituzzjonali u l-istituzzjonijiet.

Mistoqsi dwar id-distinzjoni bejn ir-responsabbilta’ legali u r-responabbilta’ politika, l-Imħallef Vincent DeGaetano qal li bħalma ġudikant jaf id-differenza bejn dak li jista’ jew ma jistax jagħmel u bejn dak li għandu jew m’għandux jagħmel għal raġunijiet ta’ etika, l-istess jgħodd għall-politiċi.

“Hemm ċirkostanzi fejn politiku jaġixxi b’mod legali iżda b’mod irresponsabbli fuq livell politiku.”

Ir-responsabbilta’ politika timplika għarfien tal-fatt li persuna qiegħda f’kariga pubblika biex isservi l-komunita’ kollha u għall-ġid komuni u li m’għandhiex tuża dik il-kariga pubblika għall-gwadann personali. Li jfisser li hemm standard ta’ imġieba morali għall-politiċi.

Għaldaqstant, temm il-Prim Imħallef Emeritu,”meta politiku jiżbalja fil-konfront ta’ dan il-ġid komuni u dan l-istandard ta’ imġieba morali mistenni minnu, dak il-politiku għandu jirriżenja, irrispettivament jekk dak li ġara ma kienx illegali.”