Futbol Sport

Gowl ta’ Fontanella determinanti biex Valletta jegħlbu l-ostaklu ta’ Ħamrun

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Rapport: Stewart Said

ĦAMRUN SPARTANS….. 0

VALLETTA………………….. 1

Ħamrun: M. Bartolo, K. Micallef, A. Capitelli, M. Cinquini, D. Borg (R. Darmanin 56’), T. Caruana, N. Leone, C. Failla, M. Criaco, A. Soares, W. Domoraud

Valletta: H. Bonello, S. Borg, J. Caruana, J. Borg, E. Pena Beltre, I. Dzaria, R. Muscat, J. Zerafa, M. Piciollo (K. Nwoko 66’), K. Tulimieri (S. Dimech 66’), M. Fontanella (N. Pulis 88’)

Imwissija: J. Zerafa 6’, H. Bonello 21’, R. Muscat 63’, M. Fontanella 86’ (V), N. Leone 85’ (Ħ)

Skorja: M. Fontanella 45+2’ (V)

Referee: Ishmael Barbara

Assistenti Referees: Roberto Vella

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Mario Fontanella (Valletta)

BOV Plejer tal-logħba: Mario Fontanella (Valletta)

Attendenza: 2018

Gowl ta’ Mario Fontanella fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima ta rebħa sofferta iżda importanti lil Valletta li biha laħqu lil Gżira United fit-tieni post tal-klassifika. Il-prestazzjoni tal-Beltin ma kinitx l-aqwa waħda, mertu wkoll ta’ Ħamrun Spartans li għalkemm ħarġu fuq in-naħa telliefa, kellhom waħda mill-aqwa prestazzjonijiet tal-istaġun.

L-ewwel taqsima kienet nieqsa mill-azzjonijiet, bil-logħba tinfetaħ fl-aħħar minuti tal-ewwel 45 minuta. Fid-39 minuta Irakli Dzaria prova b’xutt minn barra l-kaxxa li għadda għoli. Erba’ minuti wara, ċans għal Ħamrun meta Ailton Soares naqas li jolqot mill-viċin free-kick fil-baxx.

Ħamrun appellaw għal penalty ftit wara meta allegatament Enmy Pena Beltre kkontrolla l-ballun b’idu, iżda r-referee Ishmael Barbara ħalla l-logħob għaddej. Valletta skorjaw il-gowl deċiżiv fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima, bi kross preċiż ta’ Pena Beltre jsib lil MARIO FONTANELLA li b’daqqa ta’ ras għeleb lil Manuel Bartolo, li seta’ biss imiss il-ballun.

Fontanella seta’ rdoppja fid-49 minuta meta rċieva kross mil-lemin ta’ Matteo Piciollo iżda minn pożizzjoni tajba xeħet barra. Żewġ minuti wara, l-attakkant Taljan qabad lil Manuel Bartolo barra minn postu, bil-gowlkiper Ħamruniż isalva mingħajr ma żamm il-ballun. Ftit sekondi wara, okkażjoni tajba għal Ħamrun fejn din id-darba kien il-gowlkiper Belti Henry Bonello li wettaq save spettakolari biex ċaħħad xutt b’saħħtu ta’ Ailton Soares.

Ħamrun żiedu fil-logħob u fis-60 minuta kellhom ċans tad-deheb. Kien kross mix-xellug ta’ Clayton Failla lejn Wilfried Domoraud li waħdu fil-kaxxa ħabbat il-ballun mal-art u t-tentattiv tiegħu spiċċa fuq il-mimduda. Ftit wara, xutt fil-baxx tas-sostitut Ryan Darmanin spiċċa ftit barra. Valletta kważi rduppjaw fl-74 minuta b’xutt minn barra l-kaxxa ta’ Joseph Zerafa jaħbat man-naħa ta’ barra tax-xibka.

B’distakk minimu, Ħamrun għamlu aktar kuraġġ u tefgħu l-pressjoni fuq l-avversarji. Fis-87 minuta, Henry Bonello kien attent biex dawwar f’korner xutt perikoluż ta’ Marco Criaco minn barra l-kaxxa. Valletta ddefendew b’għaqal l-aħħar mumenti biex kisbu tliet punti importanti u jħarsu b’ottimiżmu lejn il-finali tas-Super Cup il-ġimgħa d-dieħla.