Lokali

Il-Kelliema jingħaqdu taħt it-tema Riforma u Tiġdid

Il-Kelliema tal-Partit Nazzjonalista fl-attività politika fil-każin tal-PN f’Birkirkara ngħaqdu taħt it-tema riforma u tiġdid.

Il-Viċi Kap tal-PN David Agius fetaħ id-diskors tiegħu billi saħaq illi qegħdin ngħixu fi żminijiet straordinarji.

Tul id-diskors tiegħu, hu għamel referenza għaż-żminijiet ta’ Gvern Laburista li għandu legat ta’ skandli.

Żied jgħid illi quddiemna għandna l-istess Gvern illi tħanżer u ħataf l-istituzzjonijiet, u dan anke wara li l-PN wissa lil Joseph Muscat dwar ir-riperkussjonijiet li se jkollu pajjiżna jekk iżomm madwaru lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi.

Beppe Fenech Adami, li huwa il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Sigurtà Nazzjonali u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità, wassal messaġġ b’saħħtu b’appell lin-nies biex iżommu rashom mgħollija, anke wara l-kriżi li pajjiżna jinsab fih.

Huwa żied jgħid illi s-soċjetà ċivili għamlet rivoluzzjoni bi protesti ċivili paċifiċi, bis-soċjetà qed isservi ta’ eżempju ta’ perseveranza, determinazzjoni u kuraġġ. Huwa qal illi peress illi aħna magħqudin bħala poplu li nħobbu lil pajjiżna, irridu li flimkien nistinkaw biex toħroġ il-verità u ssir ġustizzja. Hu rringrazzja lis-suldati u lil Pulizija tax-xogħol serju tagħhom, u wiegħed illi Gvern Nazzjonalista jerġa’ jagħmel lill-Korp tal-Pulizija u l-Forzi Armati kburin li huma Pulizija u suldati.

Il-Minority Leader tal-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara, Justin Schembri, fid-diskors tiegħu għamel enfasi li minn Birkirkara ħarġu kapijiet li ddefendew u kienu t-tarka tad-demokrazija f’pajjiżna. Din l-istess demokrazija hija mhedda wara li gvern Laburista ġab miegħu Prim Ministru illeġittimu li għandu idejh imċappsin bid-demm.

Hu qal illi hemm bżonn li nipproponu mill-Oppożizzjoni b’riformi li jkolllhom bidla nazzjonali. Żied jgħid li hemm bżonn li l-prijorità tkun lokali b’politika proattiva li tolqot il-ġid lokali.