Lokali Qorti

IR-RAPPORT EGRANT: L-Avukat Ġenerali joħloq kontroversja dwar id-deċiżjoni tal-Qorti li se tingħata għada

Il-Kap tal-PN ilu xhur jitkellem pubblikament dwar ir-Rapport Egrant

L-Avukat Ġenerali illejla ħareġ stqarrija biex iwieġeb għal dak li qal il-Kap tal-PN Adrian Delia f’Birkirkara, fejn iddeskriva lill-Avukat Ġenerali bħala kompliċi ma’ grupp kriminali li seraq il-kontroll tal-pajjiż. Dan b’rabta mal-kriżi politika li ninsabu fiha, u dak li l-esperti kollha qed jirreferu għalih bħala kollass tal-istituzzjonijiet – inkluż dik tal-Avukat Ġenerali.

F’Birkirkara, Adrian Delia irrefera għall-kawża pendenti li hi aġġornata għas-sentenza għal għada u li hi dwar it-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni biex jingħata kopja tar-rapport kollu tal-inkjesta maġisterjali dwar il-kumpanija sigrieta Egrant, liema talba ġiet miċħuda quddiem il-Qorti tal-ewwel istanza. Dan il-kumpanija għadna sallum ma nafux ta’ min hi, u flimkien ma’ 17 Black, Tillgate u Hearnville, kienu l-kumpaniji li kixfet il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-kawża tinsab quddiem il-Qorti Kostituzzjonali u hi dwar id-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali li filwaqt li jippubblika l-konklużjonijiet ewlenin tal-inkjesta Egrant, ma jippubblikax ir-rapport tal-inkjesta fl-intier tiegħu.

L-avukat Peter Grech għażel li jirreferi għad-diskors ta’ dalgħodu f’Birkirkara bħala “ostili u mhux f’loku f’dibattitu ċivilizzat”. Dan meta hu qed jirrapreżenta istituzzjoni; filwaqt li l-Kap tal-PN hu politiku li hu obligat jitkellem f’isem in-nies fuq dak kollu li hu ta’ interess pubbliku.

Barra minn hekk, l-Avukat Ġenerali qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni qed iqis li hu xieraq li jiddiskuti każijiet li huma pendenti quddiem il-Qorti fi stqarrijiet u f’laqgħat pubbliċi. Dan meta l-Avukat Ġenerali suppost jaf li l-Kap tal-PN ilu xhur jitkellem pubblikament u jikkritika b’qawwa l-mod kif qed isiru l-affarijiet, u l-fatt li r-Rapport Egrant inżamm moħbi.