Is-setturi kollha fil-firxa tan-negozju f’pajjiżna qegħdin ibatu min-nuqqas ta’ bejgħ. Hekk qed jiġri fil-ħwienet, u dawk li investew f’pajjiżna qegħdin jilmentaw li dak li għaddej minnu pajjiżna mhux jgħin lin-negozju tagħhom. Is-sitwazzjoni politika f’pajjiżna ħolqot sitwazzjoni ta’ inċertezza politika u ekonomika, b’setturi li qegħdin isofru minn kanċellazzjonjiet ta’ attivitajiet.
Dan ħareġ minn stqarrija tal-Partit Nazzjonalista ffirmata minn Edwin Vassallo, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Self Employed, in-Negozji ż-Żgħar, l-Koperattivi, l-Biedja u s-Sajd
Filwaqt li pajjiżna qed jgħix fi kriżi Kostituzzjonali u Istituzzjonali, dawk involuti fil-kummerċ u negozju qed jaraw li pajjiżna jinsab dieħel f’realtà ta’ riċessjoni ekonomika. Pajjiżna ma jixraqlux hekk. Pajjiżna jixraqlu aħjar. Li kieku Joseph Muscat verament jimpurtah mill-ġid tal-pajjiż, milli jara kif jiddefendi lil sħabu li kienu qed jitħammġu bil-korruzzjoni u jiftħu l-kumpaniji sigrieti, kieku pajjiżna ma kienx jispiċċa f’din il-kriżi, u kieku l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ma kinitx tispiċċa assassinata. Dak li għaddej minnu pajjiżna llum huwa kollu tort ta’ Joseph Muscat, kompliet tgħid l-istqarrija.
Pajjiżna qed jaqa’ u jekk Joseph Muscat mhux se jitlaq minnufih mhux biss minn Prim Ministru, iżda jekk se jibqa’ jimmanipula l-għażla tal-Mexxej Laburista ġdid bil-patt imxajtan, pajjiżna se jibqa’ fl-istess realtà ta’ staġnar ekonomiku anka bi Prim Ministru ġdid. Bidla fl-ismijiet mhux se tfisser bidla fil-kultura korrotta li daħal fiha l-Gvern. Dawk kollha involuti għandhom jerfgħu r-responsabbiltà għall-imġiba tagħhom u jħallsu l-konsegwenzi.
L-istqarrija temmet tgħid li l-PN se jibqa’ jsegwi li qed jiġri fil-qasam kummerċjali u fil-qasam tal-investment barrani f’pajjiżna, filwaqt li jwiegħed li se jibqa’ jaħdem biex jara li f’pajjiżna jkollna suq li kapaċi jaħdem fil-libertà, ressaq id-dokument Riforma u Tiġdid li jinkudi 15-il proposta għall-governanza tajba biex pajjiżna jkun tassew demokratiku, fejn il-ġustizzja ssir.
//= $special ?>

