L-atleta Malti-Awstraljan Jordan Gusman waqqaf rekord nazzjonali fl-10,000 metru f’tellieqa li kienet parti minn Zàtopek:10 fl-istat ta’ Victoria fl-Awstralja. Gusman għamel ħin impressjonanti ta’ 28:35.77 u b’hekk kiser ir-rekord b’mod konvinċenti ta’ 30:29.20 li kien sar minn Frederick Baldacchino fil-Logħob tal-Pajjiżi fl-1995.
Ir-rekord għad irid ikun uffiċjali iżda jonqos biss il-formalità li jkun ratifikat. Gusman spiċċa fid-disa’ post fit-tellieqa minn 26 parteċipant u l-ħin tiegħu kien titjib sinifikanti mill-ħin ta’ 29:32.74 li kien għamel fl-istess tellieqa sena ilu. It-tellieqa ta’ din is-sena ntrebħet minn Stewart McSweyn li inċidentalment għamel rekord Awstraljan f’27:23.80.
Dan is-sit tkellem ma’ Gusman fejn wera l-kuntentizza tiegħu bil-ħin li għamel. Hu qal li wara li temm l-istaġun 2019 ftit kmieni minħabba li kien imweġġa’, għamel xahrejn ma jiġrix u għalkemm irkupra, ma kienx ċert kif seta’ jmur f’din it-tellieqa.
“Il-kundizzjonijiet kienu perfetti. Ma kienx hemm riħ u t-temperatura kienet tajba u għalhekk iddeċidejt li nagħti kollox u ma nistax inkun aktar kuntent. Hu l-aħjar riżultat personali għalija u mod brillanti kif nibda l-istaġun 2020. Naħseb li xorta għad hemm lok għal titjib, mhux biss fl-10,000 metru imma fil-5,000 metru wkoll. Ma nistax nistenna li nkompli nibni fuq dan ir-riżultat, bl-attenzjoni tinsab fuq l-Olimpjadi ta’ Tokyo,” qal Gusman.
Kien dan is-sit li fil-bidu ta’ Settembru li għadda, kien żvela li Gusman seta’ jikkompeti f’isem Malta wara li l-IAAF kienet ikkonfermat li uffiċjalment setà jibda jifforma parti mit-tim Malti.
Gusman kien diġà kkompeta f’isem Malta fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li saru fil-Montenegro bejn l-aħħar ta’ Mejju u l-bidu ta’ Ġunju ta’ din is-sena. Hemm rebaħ b’mod konvinċenti l-midalja tad-deheb fil-5,000 u l-10,000 metru u l-fidda fl-1,500 metru biex sar l-ewwel atleta Malti li għamel dan fl-istorja ta’ dawn il-Logħob. F’Montenegro, Gusman kien għamel ħin ta’ 29:49.43 u għalhekk jixhed il-progress kontinwu ta’ dan l-atleta.
Kif kien żvelat qabel, l-atleta ta’ 25 sena, mhux se jkun qed joqgħod f’pajjiżna b’mod permanenti minħabba l-impenji tiegħu fl-atletika. L-għażla ta’ Gusman li jikkompeti għal Malta kienet minħabba raġunijiet familjari u t-trasferiment tiegħu biex jikkompeti għal Malta sar uffiċjali fil-21 ta’ Awwissu.
//= $special ?>