Lokali

Joseph Muscat ifarfar kollox fuq is-suċċessur tiegħu

Sforz l-appell tal-entitajiet soċjali, pubbliċi u s-soċjetà ċivili, biex jirreżenja u jkun hawn stabbilità fil-pajjiż, Joseph Muscat għadu ggranfat mas-siġġu tal-poter.

Minflok ibaxxi rasu għal ġid u r-reputazzjoni ta’ Malta Joseph Muscat beda l-għodwa tal-lum fiż-żjara f’Għawdex fi Pajzza Santa Margerita fis-Sannat fejn għal darb’oħra għamilha ċara li ser ikun spalla ma’ spalla mal-moviment tal-Prim Ministru l-ġdid.

Joseph Muscat sostna li l-moviment tiegħu ser jibqa’ ħaj fil-mexxej il-ġdid tal-Partit Laburista u saħaq li hu min hu ser jikkoreġi l-iżbalji li saru.

Għaldaqstant reġa’ falla milli jerfa’ r-responsabbiltà politika u dak li seta’ kkoreġa hu tul dawn l-aħħar snin – minkejja li nġibditlu l-attenzjoni kemm lokali kif ukoll mill-Ewropa – u farfara fuq is-suċċessur tiegħu

Muscat maqdar il-mexxejja preċedenti tal-Partit Laburista fejn saħaq fost oħrajn li kienu jrekknu biss iżda bid-differenza tiegħu huwa saħaq li ser iħalli warajh wirt; ta’ żbalji u nuqqasijiet li skontu fit-tnax ta’ Jannar ser jitħassru bil-paġna l-ġdida li jafu jġibu żewġ membri tal-kabinett li għal aktar minn darba ddefendew lil l-eks Ministru Konrad Mizzi u l-eks chief of staff Keith Schembri – paġna ġdida b’Joseph Muscat baħri fuq wara.

Minkejja l-krizi reputazzjonali u kostituzzjonali li l-Gvern immexxi minn Joseph Muscat xeħitna fih – huwa insista li vvintaw fuqu.

Xi ħaġa li nnutajna kienet li x-xandira diretta tal-Partit Laburista fuq Facebook waqfet appen telgħu fuq il-palk ħdejn Joseph Muscat, il-kandidati biex jeħdulu postu Chris Fearne u Robert Abela.

Intant, fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista saħaq li f’dan il-mument delikat, pajjiżna mhux Prim Ministru jdur it-toroq għaċ-ċapċip għandu bżonn, wara li għarraq ir-reputazzjoni, iżda riformi li jsaħħu l-istituzzjonijiet u jagħtuhom lura l-indipendenza minn Gvern li nħakem mill-kriminalità.