Futbol Sport

Juventus jilħqu lil Inter wara d-draw lejn it-tmiem kontra Fiorentina

(Ritratt: EPA)

BOLOGNA – Jiem wara li għaddew mal-aħħar 16 tal-UEFA Champions League, Atalanta kienu megħluba 2-1 minn Bologna. Il-veteran RODRIGO PALACIO fetaħ l-iskor fit-12-il minuta u l-midfielder ANDREA POLI rdoppja l-iskor fit-53 minuta. RUSLAN MALINOVSKYI naqqas id-distakk mas-siegħa logħob iżda l-Bergamasci ma rnexxielhomx isibu l-gowl tad-draw.

FIRENZE – Inter sofrew gowl lejn it-tmiem biex bid-draw ta’ 1-1 fi Stadio Artemio Franchi, huma ntlaħqu minn Juventus fil-quċċata. L-eks BORJA VALERO fetaħ l-iskor wara tmien minuti b’xutt fil-baxx. Fiorentina ġabu d-draw fit-92 minuta b’xutt sabiħ tas-sostitut DUSAN VLAHOVIC.

TURIN – Juventus għelbu lil Udinese 3-0 fl-Allianz Stadium. CRISTIANO RONALDO fetaħ l-iskor wara disa’ minuta b’xutt fil-baxx, bl-istess CRISTIANO RONALDO jirdoppja fis-37 minuta b’xutt ieħor mill-kaxxa. LEONARDO BONUCCI għamilhom tlieta qabel tmiem l-ewwel taqsima b’daqqa ta’ ras. IGNACIO PUSSETTO naqqas id-distakk fl-94 minuta.

MILAN – F’logħba oħra, Milan ma rnexxielhomx jieħdu vantaġġ mill-okkażjonijiet li kellhom, hekk kif kienu frustrati fi draw ta’ 0-0 minn Sassuolo. Huma kienu ħasbu li marru fil-vantaġġ wara 31 minuta b’xutt ta’ Theo Hernandez li kien imxellef, iżda l-gowl tħassar permezz tal-VAR minħabba li fl-azzjoni Franck Kessie mess il-ballun b’idu. Fit-82 minuta, Milan kienu sfortunati meta Rafael Leao laqat il-lasta.

RUMA – Roma saħħew ir-raba’ post b’rebħa ta’ 3-1 kontra t-tim tal-qiegħ Spal fi Stadio Olimpico. ANDREA PETAGNA kien poġġa lil Spal fil-vantaġġ minn penalty qabel tmiem l-ewwel taqsima. LORENZO PELLEGRINI ġab id-draw fit-53 minuta b’xutt li kien imxellef. DIEGO PEROTTI poġġa lil Roma minn fuq fis-66 minuta minn penalty biex HENRIKH MKHITARYAN għalaq il-logħba fit-83 minuta.

VERONA – Verona rkupraw żvantaġġ ta’ tliet gowls biex temmew 3-3 kontra Torino fi Stadio Bentegodi. CRISTIAN ANSALDI fetaħ l-iskor fis-36 minuta biex ALEX BERENGUER irdoppja fil-55 minuta. CRISTIAN ANSALDI għamilhom 3-0 b’xutt minn barra l-kaxxa u deher li l-logħba kienet magħluqa. GIAMPAOLO PAZZINI naqqas id-distakk fid-69 minuta minn penalty, biex VALERIO VERRE għamilhom 3-2 minn rebound fis-76 minuta. Kien MARIUSZ STEPINSKI li ġab id-draw fl-84 minuta b’xutt mill-kaxxa ż-żgħira.