Lokali

“Keith Schembri għandu jiġi investigat”

“Keith Schembri għandu jiġi investigat hekk kif xekkel il-ġustizzja.”

Kien dan il-messaġġ li ħareġ mill-Editorjal tal-gazzetta MaltaToday wara x-xhieda li ta Melvin Theuma fejn qal li Schembri kien qed jgħaddi d-dettalji dwar l-investigazzjoni tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u saħansitra hemm possibiltà li għadda l-istess informazzjoni lil Yorgen Fenech.

It-Tabib Adrian Vella, tabib komuni ta’ Fenech u Schembri kien qed jgħaddi messaġġi sigrieti bejniethom. Dan jissuġġerixxi li t-tabib Vella prova jxekkel ix-xogħol tal-ġustizzja. Madanakollu, minkejja dawn is-suspetti kollha, Keith Schembri qed jibqa jaħrab il-ġustizzja u mhux jiġi investigat, kompla jgħid l-editorjal.

Fil-Qorti ħareġ li Yorgen Fenech kien jaf bix-xogħol li qed isir mill-Pulizija għax kien hemm min wassallu l-messaġġi.

Minn naħa tagħha, The Malta Indipendent qalet li minkejja li m’hemmx evidenza li Schembri hu involut fil-qtil ta’ Caruana Galizia, hu ilu xhur qabel l-arrest ta’ Yorgen Fenech jaf bl-involviment ta’ Melvin Theuma.

L-istess gazzetta tirraporta li l-Pulizija ta’ Malta tinsab konvinta li Schembri kien jaf  bl-involviment ta’ Fenech xhur qabel l-arrest tal-istess negozjant.

Fix-xhieda, Theuma għamilha ċara li Fenech kien qed isir jaf l-informazzjoni minn għand Keith Schembri.Meta Theuma kien xehed fil-każ tat-tliet akkużati li għamlu l-bomba, hu qal li kien irrikordja lil Yorgen Fenech u Keith Schembri għax beża’ li bħalma qatlu lil Daphne Caruana Galizia, kapaċi joqtlu lilu wkoll.