Lokali

Kenneth Camilleri kien l-ispalla ta’ Neville Gafa fil-Libja

Kenneth Camilleri, l-eks Uffiċjal tas-Servizz Sigriet u l-eks Ufficjal tas-Sigurta’ fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, kien jakkumpanja lil Neville Gafa’ fil-Libja meta dan tal-aħħar ipprova jxaħħam xhieda biex jitkellmux fil-każ dwar l-iskandlu tal-visas mediċi.

Il-gazzetta il-Mument tirrapporta li din il-laqgha bejn Gafa u Camilleri u x-xhieda Libjani kienet saret f’Ottubru tas-sena li għaddiet. Meta din il-laqgħa kienet żvelata u saru mistoqsijet lill-Prim Ministru, l-istess Joseph Muscat qal li ma kien jaf xejn dwarha.

Iżda minn dak li kien żvelat minn Ivan Grech Mintoff is-sena li għaddiet, deher ċar li kemm Neville Gafa kif ukoll Kenneth Camilleri ivvjaġġaw lejn Tripli permezz ta’ Visa Diplomatika. Din tinħareġ biss mill-Gvern Malti wara li tkun saret talba lill-Gvern Libjan. Barraminhekk, meta kienu fil-Libja, Gafa u Camilleri uzaw il-karozza ufficjali tal-ambaxxatur Malti.

F’dik iż-żjara, minbarra dik il-laqgħa max-xhieda Libjani, Neville Gafa iltaqa ma’ żewġ Ministri Libjani u kien qalilhom li kien il-mibgħut speċjali tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Il-Viċi Prim Ministru Chris Fearne kien keċċa lil Neville Gafa mill-Ministeru tas-Saħħa.

Issa, iktar minn sena wara, Neville Gafa u Kenneth Camilleri mill-ġdid fl-aħbarijiet. Kenneth Camilleri issemma mill-middleman Melvin Theuma li kien iwassal messaġġi mill-OPM biex jgħaddi l-istess messaġġi lil-aħwa Degiorgio u lil Vincent Muscat.

Wara li feġġ dan kollu. Camilleri, tkeċċa kemm mill-OPM u issa kien ukoll sospiż minn Transport Malta.