Lokali

Kjarifika rigward il-programm Ħadd Għalik – PN

Wara diversi diskussjonijiet li kellna mal-producer ta’ Ħadd Għalik dwar is-suġġett fl-aħħar jiem, il-Viċi-Kap David Agius u l-Membru Parlamentari l-Perit Toni Bezzina, ħassew li fiċ-ċirkustanzi straordinarji li qed jgħaddi minnhom pajjiżna bħalissa, il-programm televiżiv “Ħadd Għalik” li kien irrekordjat 5 ġimgħat ilu (eżattament fit-12 ta’ Novembru 2019) f’ċirkustanzi kompletament differenti minn dawk tal-lum, esiġejna li l-programm ma jixxandarx.

Naprezzaw dejjem l-mod professjonali li bih jittella’ l-programm imma fiċ-ċirkustanzi straordinarji ta’ pajjiżna ħassejna li dan ir-rekording tal-programm Ħadd Għalik ma kellux jixxandar.

Għalkemm f’ċirkustanzi normali tul s-snin d-deputati tal-Partit Nazzjonalista dejjem taw il-kontribut tagħhom fi programmi ta’ dan it-tip, wieħed irid jifhem illi dawn tal-lum mhux ċirkustanzi normali u għalhekk it-trażmissjoni ta’ dan il-programm ma kinitx aċċetabbli minn naħa tagħna. Dan ukoll għamilnih mingħajr l-ebda disrispett lejn dawk kollha li ħadu sehem fil-programm dakinhar fosthom l-kollegi Deputati tal-Partit Laburista.

Għaldaqstant infurmajna lil producer ta’ Ħadd Għalik, lill-PBS u lill-Awtorità tax-Xandir illi m’għandhomx il-permess tagħna (Onor. Toni Bezzina u Onor. David Agius) biex ixxandar kwalunke silta li turi lilna.

Fiċ-ċirkustanzi straordinarji li qed jgħaddi minnhom pajjiżna bħalissa ma tajnix l-permess tagħna biex ixxandar kwalunke silta li turi lilna fil-programm Ħadd Għalik li kien irrekordjat 5 gimgħat ilu.