Lokali

Konrad Mizzi tħajjar jikkontesta għall-Mexxej Laburista

L-eks Ministru Konrad Mizzi, wara li rriżenja minn Ministru fost il-kontroversja li kompla jisemma’ fiha anke marbuta mal-Panama Papers, kien tħajjar joħroġ għat-tellieqa ta’ mexxej tal-Labour.

Sorsi li jimmilitaw fil-Partit Laburista li tkellmu ma’ The Sunday Times qalu li kienu xxukjati meta avviċinati minn Mizzi biex jgħidilhom li issa li m’għadux Ministru għandu aktar ħin biex jiffoka fuq it-tmexxija.

Jidher li Konrad Mizzi qata’ qalbu biex jieħu post Joseph Muscat ftit wara meta intebaħ li hemm moviment fil-Partit Laburista li qed jagħmel minn kollox biex Mizzi jitwarrab mill-partit għal kollox.

Dan il-moviment jidher li kien iddikjara li jekk jasal jikkontesta Konrad Mizzi, kien jagħmilha aktar faċli biex jeħilsu minnu darba għal dejjem.

Intant, Joseph Muscat kien jaf bil-famuż imsejjaħ ‘patt imxajtan’… mhux biss, Muscat kien ta l-barka għalih.

Dan żvelatu l-gazzetta ‘illum’ li qalet li l-kandidati, Robert Abela u Chris Fearne flimkien mal-Ministru Ian Borg, kellhom laqgħa mal-Prim Ministru ftit wara li kien ħabbar li se jirriżenja.

Kien waqt din il-laqgħa li Muscat approva biex Fearne awtomatikament jeħodlu postu u miegħu jiġu mbuttati Borg u Abela bħala deputati mexxejja.

Kieku dan spiċċa biex ġara, Joseph Muscat kien se jwarrab il-Ħamis li għadda iżda Robert Abela ma riedx ikun parti min dan il-patt imxajtan.

Jidher li dan ħoloq rabja kbira fil-Partit Laburista fil-konfront ta’ Robert Abela fejn evidenti bdiet gwerra interna talli dan tal-aħħar ma żamxx mal-patt.