Internazzjonali

Korea ta’ Fuq: Misteru dwar l-aħħar prova fi żmien sensittiv

L-osservaturi tal-Korea ta’ Fuq komunista għadhom ma jafux id-dettalji eżatti ta’ prova oħra li r-reġim ta’ Kim Jong-un wettaq fi tmiem il-ġimgħa u li seħħet f’sit fejn is-soltu jsiru l-provi tas-satelliti u r-rokits.

Dan meta l-Korea ta’ Fuq qed iżżid il-provi għall-armamenti tagħha, fost il-kummenti aggressivi min-naħa ta’ Pyongyang li qed jitlob konċessjonjiet ġodda mingħand l-Istati Uniti sal-aħħar tas-sena.

Fi tmiem il-ġimgħa, l-istampa tal-Korea komunista qalet li saret prova oħra kruċjali f’sit fejn jittellgħu s-satelliti u bil-għan li l-pajjiż isaħħaħ id-deterrent nukleari tiegħu. Dan meta mhux eskluż li l-aħħar prova mill-Koreani komunisti setgħet kienet tinvolvi magna għal xi missila ballistika

Il-prova  kienet it-tieni waħda fis-sit ta’ Sohae f’anqas minn ġimgħa u meta baqgħu staġnati t-taħditiet bejn l-Istati Uniti u Pyongyang rigward il-programm nukleari tal-Korea ta’ Fuq. Il-President Amerikan, Donald Trump, qed jirrifjuta li jnaqqas is-sanzjonijiet għall-Korea ta’ Fuq dment li dan il-pajjiż ma jabbandunax il-programm nukleari tiegħu.

Fl-aħħar sigħat, ir-Rappreżentant Speċjali Amerikan għall-Korea ta’ Fuq, Stephen Biegun, kellu jasal fil-Korea t’Isfel għal żjara ta’ tlett ijiem. Kien mistenni li Beigun jissieħeb f’taħditiet mal-Mexxejja tal-Korea t’Isfel dwar l-aħħar żviluppi u l-kunċett tad-denuklearizzazzjoni fil-peniżola Koreana.