Lokali

BIR-RITRATTI: Ilum l-aħħar ġurnata tar-4 edizzjoni ta’ Misraħ il-Milied

Fl-aħħar ġurnata tar-4 edizzjoni ta’ Misraħ il-Milied, fost ġimgħa mimlija attivitajiet, sar il-Konkors Kanzunetta fejn gew kantati 45 kanzunetta f’kategoriji varji minn kantanti li l-età tagħhom tista’ tvarja minn 5 snin sa 15-il sena.

Ir-rebbieħa tal-kategorija ta’ kantanti ta’ kanzunetti Maltin tal-età minn 6 snin sa 11-il sena, kienet Katryce Grixti bil-kanzunetta ‘Fit-Tieġ tan-Neputija’.

Fit-tieni post ġiet Mariah Grech bil-kanzunetta ‘Fejn Staħbejtli’.

Kelsey Attard rebħet il-kategorija tal-kantanti ta’ kanzunetti Maltin bejn l-etajiet ta’ 12 u 15-il sena, bil-kanzunetta ‘Tfajjel Ċkejken’.

Fit-tieni post, Krista Sujak bil-kanzunetta ‘Ma jonqosni xejn, u fit-tielet post, Shanice Micallef bil-kanzunetta ‘Inti Djamant’.

Fost il-kategoriji kien hemm ukoll dawk ta’ kanzunetti barranin, fejn rajna lil Jade Spiteri li ġiet l-ewwel fil-kategorija tal-etajiet bejn 6 u 9 snin bil-kanzunetti Spoon full of Sugar u Almost There. Fl-istess kategorija, fit-tielet post kien hemm Julia Barbara bil-kanzunetta ‘You Raise Me Up’.

Għall-etajiet bejn 10 u 12-il sena, fl-ewwel post ġiet Shyann Cutajar bil-kanzunetta Listen, fit-tieni post, Aaliyah Vella, b’ Purple Rain, u Kelsey Attard fit-tielet post b’ Hallelujah.

F’dawk li kienu l-ikbar fl-età fost il-parteċipanti, jiġifier dawk fil-kategorija ta’ bejn it-13 u 15-il sena, ir-rebbieħa għall-aħjar kanzunetta barranija kienet Luana Schembri b’ I put a spell on you’, Ksenia Grech fit-tieni post bil-kanzunetta ‘Hurt’, u fit-tielet post Leah Cauchi bil-kanzunetta Beautiful.

Il-konkors kien ippreżentat minn Roberta Bonello Felice u Jesmond Fenech.

Il-pubbliku seta’ jattendi għal din l-aħħar ġurnata biex igawdi atmosfera tal-Milied.

Fost ħafna aktar wieħed seta’ jżur stands b’kotba, ornamenti tal-milied għall-bejgħ, ikel u xorb tradizzjonjali tal-milied bħal qagħaq tal-għasel u l-imbuljuta u ponzjetti.

Spikkat ukoll wirja ta’ aktar minn 40 presepju u pitturi relatati mal-milied.

Misraħ il-Milied, fid-Dar Ċentrali tal-PN fetaħ fis-7 ta’ Diċembru fejn matul din il-ġimgħa l-pubbliku li attenda gawda minn attivitajiet varji.