Lokali

L-għan ewlieni tagħna huwa l-ġid tal-poplu u tal-pajjiż – Adrian Delia

“Aħna rridu Partit Nazzjonalista li jibqa’ jkun ta’ ġid għall-Maltin u l-Għawdxin, partit li jifhem l-aspirazzjonijiet ta’ kulħadd u jwettaq ġustizzja soċjali. Aħna qegħdin hawn biex nagħmlu l-politika u l-Partit Laburista qiegħed hemm biex iżomm il-poter u jabbuża minnu.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien qed jindirizza attività politika f’Birkirkara.

Adrian Delia qal li f’dan iż-żmien ta’ taqlib għal pajjiżna, l-PN qed iressaq d-dokument Riforma u Tiġdid, bi 15-il proposta li jbiddlu b’mod radikali l-politika, u jħares l-interess nazzjonali filwaqt li jippreżenta l-viżjoni għall-governanza tajba. Huwa qal li din hija l-bidla u t-triq ‘il quddiem li għandu bżonn pajjiżna biex jerġa’ jikseb ir-rispett li jixraqlu. Proposti li se jagħtu lura s-setgħa u l-poter lura lill-poplu.

Il-Kap tal-PN elenka wħud mill-proposti fosthom li l-President tar-Repubblika jinħatar biż-żewġ terzi tal-Kamra tar-Rappreżentanti u jingħata wkoll iżjed poter biex ikollu s-saħħa li jintervjeni meta jkun hawn Prim Ministru li jmexxi ħażin; Parlament li verament jkun strument li min jiġi elett iħares l-aqwa interess tal-poplu; Qrati b’mod ġust kif jinħatru l-ġudikanti biex il-poplu jkollu s-serħan tal-moħħ li ssir il-ġustizzja; Avukat Ġenerali li jkun hemm biex jiddefendi lin-nies u mhux lill-Gvern u dak kollu li huwa indifensibbli; Forzi tal-Ordni li jerġgħu jingħataw il-ġieh li jixraqilhom.

Adrian Delia qal li jeħtieġ li ningħaqdu flimkien biex insewwu l-ħsara li Joseph Muscat u l-Gvern Laburista għamlu, meta ġab lil pajjiżna servili għall-kriminalità. Adrian Delia qal li ftit tal-ġranet ilu, kemm Chris Fearne kif ukoll Robert Abela taw fiduċja għamja lil Joseph Muscat meta l-pożizzjoni tiegħu ma baqgħetx iżjed tenibbli. Issa qegħdin jgħidu li jridu jdaħħlu l-istess tibdil li l-PN ilu dawn is-snin kollha jgħidu li pajjiżna jeħtieġ meta matul dawn is-snin kollha baqgħu ma għamlu xejn, u allura issa mhux qegħdin jitwemmnu. Il-PN qiegħed joffri s-soluzzjoni biex ikollna sisien sodi biex nerġgħu nibnu mill-ġdid in-normalità f’pajjiżna.

Adrian Delia qal li fiż-żmien li l-PN jinsab għaddej mir-riforma u proċess ta’ bidla, rridu nkunu kuraġġużi fil-bidliet, għax il-PN huwa l-partit li jista’ jmexxi lil pajjiżna ‘l quddiem u se jibqa’ jiddefendi l-interess nazzjonali kull fejn ittih il-liġi. Huwa  rringrazzja lill-midja f’pajjiżna għax-xogħol li twettaq, bħala wieħed mill-pilastri tad-demokrazija, u ħeġġeġ lill-ġurnalisti biex jibqgħu jaqdu dmirijiethom. Pajjiżna huwa ‘l fuq mill-partiti politiċi u Malta mhux intom jew aħna iżda aħna lkoll għal Malta.