Futbol Sport

Liverpool ikomplu jżidu l-vantaġġ f’ras il-klassifika

Liverpool komplew iżidu l-vantaġġ f’ras il-klassifika wara li għelbu t-tim tal-qiegħ Watford grazzi għa doppjetta ta’ Mohamed Salah filwaqt li b’sorpriża Leicester City ġew miżmuma fi draw ta’ 1-1 f’darhom mit-tim li jinsab qabel tal-aħħar Norwich City. It-tim ta’ Jurgen Klopp issa jinsab 10 punti fuq l-eqreb rivali Leicester.

Kif kien mistenni Watford sabuha diffiċli biex ixejjnu l-qawwa tar-Reds fl-ewwel partita ta’ Nigel Pearson fit-tmun. Salah dawwar il-ballun fil-kantuniera biex skurja għamilhom 1-0.

Huwa issiġġila r-rebħa fid-90 minuta. Minkejja d-differenza fil-klassifika Watford ukoll kellhom xi opportunitajiet, iżda fallew milli jdawruhom f’gowls. Liverpool mhux talli baqgħu ma tilfux logħba dan l-istaġun, iżda rebħihom kollha minbarra d-draw ta’ 1-1 li ħadu f’Old Trafford kontra Manchester United.

Il-partita ma laħqitx il-livelli, iżda Liverpool għamlu dak li kellhom jagħmlu u kisbu tliet punti oħra. Leicester sabu ruħhom gowl minn taħt kontra Norwich City biex għalhekk is-sensiela ta’ rebħ għat-tim ta’ Brandon Rogers, ta’ tmien rebħiet konsekuttiva ġiet fi tmiemha.

Teemu Pukki poġġa lil Norwich minn fuq fis-26 minuta wara pass ta Emiliano Buendia u minkejja l-attakki kontinwi ta’ Leicester kien own gowl ta’ gowlkiper Krul li ta punt lil Leicester wara li daqqa ta’ ras ta’ Jamie Vardy f’nofs it-tieni taqsima tkompliet ġewwa mill-gowlkiper intertazzjonali Olandiż. Leicester għafsu għall-gowl tar-rebħa iżda kienu sfortunati f’diversi okkażjonijiet.

Fil-partita l-oħra, sorpriża fi Stamford Bridge meta Bournemouth rebħu lil Chelsea 1-0 bl-unika gowl tal-partita jasal minn Dan Gosling sitt minuti mit-tmiem. Sheffield United għalbu lil Aston Villa 2-0 b’doppjetta ta’ John Fleck fil-50 u 73 minuta.

Burnley għelbu lil Newcaslte f’darhom 1-0 b’gowl ta’ Chris Wood fil-58 minuta u fil-partita ta’ filgħaxija West Ham għelbu lil Southampton 1-0 barra minn darhom b’gowl ta’ Sebastian Haller fis-37 minuta.