Futbol Sport

Posposti l-logħbiet tal-Premier tas-Sibt minħabba tiċrita fit-tinda tas-Centenary Stadium

Il-partiti mill-Premier Division skedati għas-Sibt 14 ta’ Diċembru, tħassru minħabba li r-riħ qawwi li laqat il-Gżejjer Maltin ċarrat it-tinda tas-Centenary Stadium.

Kien għalhekk li biex tipproteġi l-plejers u l-partitarji l-Malta Football Association ipposponiet il-logħob li kellu jsir fiċ-Ċentinarju. Fil-fatt l-assoċjazzjoni tal-futbol Maltija permezz ta’ stqarrija li ħarġet ikkonfermat li l-partiti mill-kampjonat BOV Premier bejn Mosta kontra Gudja u Senglea kontra Tarxien li kienu skedati tħasru.

L-MFA qalet li se tkun qed tieħu deċiżjoni dwar il-logħob tal-Ħadd 15 ta’ Diċembru, mill-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni li huma skedati fl-istess Stadium. Il-fixtures il-ġodda tal-logħbiet mill-kampjonat BOV Premier li tħassru se jkunu qegħdin jitħabbru minn mument għall-ieħor.