Lisa Marie Bezzina nkurunat sena mill-aqwa hekk kif kisret ir-rekord nazzjonali fin-nofs maratona wara li kkompetiet fil-Maratona ta’ Pisa. Bezzina għamlet ħin ta’ 1:17.40 biex b’hekk għelbet bi 12-il sekonda l-ħin li kienet stabbilixxiet Carol Walsh lura fl-2003.
Din kienet it-tielet edizzjoni konsekuttiva li Lisa Marie Bezzina rebħet il-kategorija tan-nisa fin-nofs maratona ta’ Pisa. Fl-2017, Bezzina kienet rebħet f’1:19.42 u s-sena l-oħra waqqfet l-arloġġ f’1:18.13, konferma tat-titjib kontinwu li sar minnha fl-aħħar snin.
Is-sena 2019 se tibqa’ f’qalb Bezzina hekk kif matul din is-sena rebħet il-midalja tad-deheb fil-5,000 metru u l-10,000 metru waqt il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li saru fil-Montenegro. F’Lulju hi rebħet il-kampjonat nazzjonali tal-10,000 metru.
Fl-istess tellieqa, Joelle Cortis spiċċat fit-tielet post f’1:20.29 u Rachel Borg daħlet fl-għaxar post fil-kategorija tan-nisa f’1:28.56. Ħadu sehem ukoll Amanda Vella, Luana Vella.
Fil-kategorija tal-irġiel, Stefan Azzopardi kklassifika fir-raba’ post b’ħin ta’ 1:10.41 segwit minn Luke Micallef f’1:11.04. Ħadu sehem ukoll Charles Micallef, Imed Ben Moussa, Peter Azzopardi, Chris Bezzina, Peter Paul Vella, Aidan Tanti, Alan Camilleri, Ryan Tonna, Duncan Abdilla, Ryan Spiteri, Jonathan Carter, Alan Borg, Nigel Dimech, Neville Micallef, Julian Fenech, Jean Borg, Simon Paul Borg, Godwin Mifsud, Roberto Demicoli, Gordon Buttigieg, Manuel Attard, Mario Briffa u Ian Gauci.
//= $special ?>