Internazzjonali

Renju Unit: It-tmexxija Laburista titlob apoloġija għat-telfa katastrofika

Il-Kap tal-Partit Laburista, Jeremy Corbyn u John McDonnell, bħala shadow chancellor, talbu apoloġija għat-telfa ‘katastrofika’ tal-partit fl-elezzjoni ġenerali tal-Ħamis u li fih il-Laburisti tilfu 59 siġġu. Din kienet anki l-akbar disfatta għal-Laburisti Britanniċi mill-1935, bis-sehem tal-voti għal dan il-partit jonqos bi tmien punti perċentwali.

Corbyn qal li ddispjaċih li l-partit kellu wirja daqstant deludenti waqt li McDonnell, li hu fost l-akbar personalitajiet Laburisti, assuma ‘responsabbiltà għar-riżultat diżastruż’.

Kemm Corbyn u anki McDonnell qalu li għandhom iwarrbu mill-karigi rispettivi, matul is-sena d-dieħla, bit-tellieqa għas-suċċessuri tagħhom diġà qed tirranka.

McDonnell qal li l-Kumitat Eżekuttiv Nazzjonali Laburista jrid jiddeċiedi l-aspetti tal-elezzjoni għat-tmexxija tal-partit u jistenna li din l-elezzjoni ssir sa tmienja jew għaxar ġimgħat oħra.

Il-Partit Konservattiv fil-Gvern rebaħ maġġoranza ta’ 80 deputat fil-House of Commons waqt li kaxkar lil-Laburisti fil-fortizzi tradizzjonali tagħhom.

Min-naħa tiegħu, Corbyn, permezz ta’ żewġ artikli li dehru fl-istampa Britannika qal li t-telfa tal-partit tiegħu ‘hi daqqa ta’ ħarta għal kulmin irid jara bidla fir-Renju Unit’. Sadanittant, u permezz ta’ ittra miftuħa fis-Sunday Mirror, Corbyn qal li qed jieħu responsabbiltà għat-telfa iżda insista li ‘jinsab kburi bil-kampanja tal-partit tiegħu’.