Futbol Sport

Sampdoria jirbħu d-derby b’gowl ta’ Gabbiadini lejn it-tmiem

Fl-iktar logħba mistennija s-Sibt kienu Sampdoria li rebħu d-derby Della Lanterna meta għelbu lil Genoa 1-0. Minkejja li ż-żewġ timnijiet jinsabu jissieltu kontra r-relegation, ir-rivalità hija xorta waħda kbira bejn iż-żewġ naħat.

Il-partita kienet monotona fl-ewwel taqsima iżda tjiebet fit-tieni waħda bis-Sampdoriani jiksbu r-rebħa b’gowl ta’ Gabbiadini fl-aħħar ħames minuti. Bidu ħaċin għall-kowċ il-ġdid ta’ Napoli Gennaro Gattuso meta kontra kull mistenni tilfu f’darhom kontra Parma b’gowl ta’ Gervinho fid-90 minuta.

It-tim ta’ Roberto D’Aversa ħasad lil Napoli meta wara biss erba’ minuti Dejan Kulusevski tefagħhom fil-vantaġġ. Napoli ppressaw biex iġibu l-gowl tad-draw u kien Arek Milik fl-64 minuta li ġab id-draw, iżda l-gowl tal-Ivorjan ħassar il-festi Naplitani.

Brescia ħadu ftit tan-nifs b’rebħa tajba fuq Lecce bl-iskor ta’ 3-0 biex inqalgħu mill-aħħar postijiet tal-klassifika biex issa jinsabu r-raba’ mill-aħħar. Kien Jhon Chancellor li fetaħ l-iskor fit-32 minuta biex minuta qabel il-mistrieħ Ernesto Torregrossa għamilhomn 2-0. Nikolas Spalek mas-siegħa logħob serraħ ras il-partitarjio biex ta tliet punti prezzjużi lit-tim tiegħu.