Internazzjonali Lokali

Spanja: L-itwal taħditiet dwar il-klima jikkonkludu bi ftehim għal kompromess

L-itwal sessjoni ta’ taħditiet dwar il-klima li qatt organizzat in-Nazzjonijiet Uniti intemmet, f’Madrid, bi ftehim għal kompromess u wara li d-delegati qablu li jżidu l-impenn – fuq livell globali – biex ikunu kontrollati l-emissjonijiet tal-gassijiet karboniċi.

Dan meta l-COP25 UN Climate Change Conference suppost li kkonkluda xi jiem qabel u fejn kompla għaddej wara li ma ntlaħqux ir-riżoluzzjonijiet ċari għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-klima.

Intant, it-trażżin tal-emissjonijiet kien il-kwistjoni ewlenija tat-taħditiet f’Madrid u issa, il-pajjiżi jeħtieġu jressqu l-impenji ġodda għall-ħarsien tal-klima saż-żmien meta, is-sena d-dieħla, issir il-konferenza kbira li jmiss fi Glasgow, fl-Iskozja.

Id-differenzi dwar kwistjonijiet oħrajn – fosthom l-issue tal-carbon markets – kienu posposti għal-laqgħa li jmiss.

Wara żewġt ijiem u ljieli ta’ negozjati addizzjonali, id-delegati f’Madrid qablu dwar ftehim li għandu jintroduċi pjani u strateġiji aħjar għall-qtugħ tal-elementi karboniċi u li mistennija jkunu ‘fuq il-mejda’ sa żmien il-Konferenza ta’ Glasgow.

It-tragwardi ġodda proposti għall-ħarsien tal-klima kienu appoġġjati mill-Unjoni Ewropea u l-gżejjer-Stati żgħar, waqt li sabu oppożizzjoni min-naħa ta’ diversi pajjiżi kbar industrijalizzati bħall-Istati Uniti, il-Brażil, l-Indja u ċ-Ċina.

Madankollu, fl-aħħarnett, intlaħaq kompromess u l-pajjiżi sinjuri, ‘il quddiem, iridu juru li jkunu żammew il-wiegħdi biex jindirizzaw il-‘climate change’.

Fl-istess ħin, l-osservaturi tal-Konferenza tal-COP25 f’Madrid qalu li r-riżultati tat-taħditiet huma ‘il bogħod minn dak li x-xjenza tesiġi li għandu jsir tassew biex id-dinja tindirizza aħjar il-bidliet fil-klima.

L-istess osservaturi qalu wkoll li ‘iddiżappuntaw’ xi pajjiżi kbar li kellhom jimpenjaw ruħhom aktar fl-interessi tad-dinja, iżda grazzi għall-alleanza progressiva tal-pajjiżi Ewropej, Afrikani, Latini Amerikani u l-gżejjer Stati żgħar, il-COP25 ikkonkluda bl-aħjar riżultat possibbli fiċ-ċirkustanzi – ‘u kontra r-rieda tal-aktar Stati li qed iniġġżu lill-ambjent’.

U waqt li ħafna mill-parteċipanti fil-COP25 mhumiex daqstant ferħanin bil-pakkett miftihem (għaliex dan, skont huma, ma jirriflettix l-urġenza tas-sitwazzjoni) in-negozjaturi dehru sodisfatti li l-proċess tat-taħditiet u l-impenji b’riżq il-klima għadu ‘sħiħ’ wara t-taħditiet daqstant diffiċli u kkumplikati f’Madrid.