Futbol Sport

Tottenham jiksbu rebħa drammatika kontra Wolves

(Ritratt: Premier League)

Gowl lejn it-tmiem ta’ Jan Vertonghen ta rebħa drammatika lil Tottenham Hotspur li għelbu lil Wolves 2-1 f’Molineaux Stadium. Din ir-rebħa poġġiet lil Tottenham waħedhom fil-ħames post, tliet punti taħt it-tim tar-raba’ post Chelsea. Għal Wolves din kienet l-ewwel telfa wara 11-il logħba.

Lucas Moura fetaħ l-iskor wara tmien minuti b’xutt b’saħħtu minn pożizzjoni ftit angolata mill-kaxxa. Wolves ġabu d-draw fis-67 minuta meta Adama Traore għeleb lil Gazzaniga b’xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa. Iżda Tottenham skorjaw il-gowl tar-rebħa fil-91 minuta meta minn korner mil-lemin, Jan Vertonghen skorja b’daqqa ta’ ras għar-rokna.

Manchester United naqsu li jibnu fuq ir-rebħiet kontra Tottenham u Manchester City hekk kif kienu miżmuma fi draw ta’ 1-1 kontra Everton f’Old Trafford. Għal Everton dan kien riżultat ieħor pożittiv biex b’hekk f’żewġ logħbiet kontra Chelsea u Manchester United taħt it-tmexxija temporanja ta’ Duncan Ferguson, huma kisbu erba’ punti.

Kienu t-Toffees li fetħu l-iskor wara 37 minuta meta minn korner mil-lemin, il-gowlkiper David de Gea naqas li jimblokka l-ballun u spiċċa biex ħabat ma’ sieq Victor Lindelof u baqa’ dieħel fix-xibka għal awto-gowl sfortunat. Manchester United ġabu d-draw fis-77 minuta b’xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa tas-sostitut Mason Greenwood. Fatt kurjuż kien li l-kowċ ta’ Everton bidel lill-attakkant Moise Kean fit-88 minuta, 18-il minuta biss wara li kien għadu dieħel. It-Taljan baqa’ dieħel ġewwa wara li kien mibdul.

Il-problemi għal Arsenal komplew jikbru hekk kif mhux biss kienu megħluba 3-0 minn Manchester City iżda kienu dominati għal ħinijiet twal. Dan ir-riżultat iħalli lil Manchester City 14-il punt wara l-leaders Liverpool iżda naqqsu d-distakk minn ma’ Leicester għal erba’ punti. Arsenal baqgħu fid-disa’ post, seba’ punti bogħod mir-raba’ post.

Il-gowls waslu kollha fl-ewwel taqsima, b’Kevin de Bruyne jiftaħ l-iskor wara żewġ minuti b’xutt b’saħħtu mill-kaxxa li spiċċa fis-saqaf tax-xibka. L-iskor sar 2-0 mal-kwarta logħob meta de Bruyne tefa’ kross fil-baxx lejn Raheem Sterling li xeħet il-ballun fix-xibka minn qagħda ideali. L-iskor sar 3-0 fl-40 minuta, bil-midfielder Belġjan jiskorja t-tieni gowl fil-logħba b’xutt fil-baxx għar-rokna.