Lokali

Appell għal tindifa sistematika fl-uffiċini mċappsa bil-korruzzjoni

L-Organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem fosthom il-Kamra Maltija tal-Kummerċ, l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, il-GRTU u l-MHRA ppreżentaw dak li jissejjaħ Charter for Good Governance lill-President ta’ Malta George Vella.

F’okkażżjoni ta’ Jum ir-Repubblika fi tmiem il-ġimgħa, ir-rappreżentanti ewlenin tas-settur privat f’pajjiżna ngħaqdu sabiex iqajmu l-kuxjenza ta’ George Vella bil-għan li tiġi salvagwardata r-reputazzjoni u l-kostituzzjoni ta’ Malta.

L-Organizzazzjonijiet saħqu li hemm bżonn tinstab soluzzjoni imminenti bil-għan li tinstab stabbilità u terġà titkebbes il-kunfidenza fiċ-ċittadini u n-negozji.

Huma kkundannaw mingħajr kantunieri kull prassi korrotta, attivitajiet kriminali u r-rebgħa għall-flus li ħakmet lil xi wħud li kellhom jew għad għandhom posthom fil-poter. Ikkundannaw dawk kollha li b’xi mod jew ieħor qed jostakolaw il-proċess tal-ġustizzja jew saħansitra idewmuha apposta, u dawk li farfru u beżgħu milli jerfgħu r-responsabbiltà politika.

Fi stqarrija spjegaw li l-fatt li dawk il-persuni li jinsabu fuq is-siġġu tal-poter aġevolaw u ffaċilitaw attività kriminali hija diżgustanti – dan kollu, taħt il-kappa tal-poltika ‘pro-business‘.

Huma komplew jisħqu li kull allegazzjoni għandha tiġi investigata bir-reqqa mingħajr biża’, eżitazzjoni jew favuri u kull min jinstab ħati ta’ korruzzjoni għandu jiġi ordnat jirritorna l-flus fil-kaxxa ta’ Malta.

Għaldaqstant l-organizzazzjonijiet appellaw għal tindifa sistematika fl-istrutturi u l-uffiċji li kienu b’xi mod jew ieħor implikati fil-korruzzjoni – dirett jew indirettament. Huma saħqu wkoll li kull kuntratt pubbliku li ġie nnegozjat mill-persuni implikati f’dawn l-allegazzjonijiet għandhom bżonn jiġu investigati sabiex ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna tkun protetta.

Dan kollu bil-għan li l-pilastri għal governanza tajba jiġu għal darb’oħra eżaltati wara li fl-aħħar ġimgħat ġew mkasbra, u għaldaqstant it-trasparenza u l-kontabilità huma essenzjali biex ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna jerġà jkollha stabbiltà.