Internazzjonali

Awstralja: Jinfirxu n-nirien fost l-istennija għal sħana ‘estrema’

L-Awtoritajiet fl-Awstralja ħarġu twissijiet ġodda dwar ‘nirien straordinarji (mega blaze)’ wara li l-bushfires infirxu ‘il hinn miz-zoni għall-kontroll tal-fjammi u qerdu talanqas 20 residenza viċin Sydney. Fl-aħħar sigħat, in-nirien, li s’issa nfirxu madwar 400,000 ettari tal-art, avvanzaw aktar ‘il ġewwa lejn l-inħawi tal-Blue Mountains – iz-zona popolari mat-turisti li tinsab lejn il-punent mill-belt imsemmija.

L-aħħar movimenti tan-nirien ikkumplikaw l-isforzi tal-iskwadri għall-emerġenzi li diġà qegħdin jikkumbattu xi 100 inċidenza ta’ nirien u li qegħdin iħejju għal jiem ta’ sħana estrema, matul din il-ġimgħa.

Fil-fatt, il-mewġa tas-sħana li tidher imminenti kapaċi tirriżulta fl-aktar jum sħun għall-2019 – bit-temperaturi jistgħu jaqbżu r-rekord ta’ 50.7 gradi Celsius li twaqqaf, fl-1960, fl-inħawi ta’ Oodnadatta, fl-Istat ta’ South Australia.

Minn Settembru ‘il hawn, mietu sitt persuni fil-kriżi tal-bushfires li ddominaw fl-Istati ta’ New South Wales u Queensland. In-nirien qerdu aktar minn 700 residenza minbarra li mlew lid-diversi bliet bid-dħaħen kbar.