Lokali

F’Novembru nfetħu bibien is-sema hekk kif it-temperaturi bdew jiksħu

 Xita rreġistrata fi 17-il jum matul Novembru It-temperatura tal-arja tilħaq 25.6°C fl-iktar jum sħun u tinżel għal 10.3°C fl-ikseħ jum Jitkejlu iktar minn 186 siegħa ta’ xemx

Matul Novembru, it-temp kompla jiksaħ u x-xita kompliet tiżdied, hekk kif il-Gżejjer Maltin bdew iħejju ruħhom għall-bidu tax-xitwa meteoroloġika. Fil-fatt, il-gżejjer irreġistraw total ta’ 107.4mm ta’ xita sal-aħħar tax-xahar; kważi 6mm iktar min-norma klimatika.

Ix-xahar li għadda beda fuq nota pjuttost tempestuża, ladarba tliet maltempati laqtu lill-gżejjer matul l-ewwel għaxart ijiem. Dawn ġew segwiti minn erba’ maltempati oħra fit-12, id-19, li kien l-uniku jum tax-xahar li fih ġiet irreġistrata x-xita bis-silġ, l-24 u l-25 ta’ Novembru. Mis-17-il jum li fih ġiet irreġistrata x-xita, il-25 ta’ Novembru kien l-iktar jum imxarrab, hekk kif 28.8mm ta’ xita niżlu fuq ilgżejjer f’temp ta’ 24 siegħa.

Matul ix-xahar, it-temperaturi tal-arja varjaw bejn massimu ta’ 25.6°C, li ntlaħaq nhar is-6 ta’ Novembru, u minimu ta’ 10.3°C, li tkejjel nhar il-21 ta’ Novembru. It-temperatura medja tax-xahar, li laħqet it-18.3°C, kienet kemxejn ogħla mit-temperatura mistennija ta’ 17.6°C. Fl-istess ħin, ittemperatura medja tal-baħar kienet ta’ 22.1°C, jiġifieri iktar minn grad ogħla min-norma klimatika.

Minkejja l-ħalbiet ta’ xita qawwija li ħakmu l-gżejjer lejn il-bidu tax-xahar, Novembru ntemm fuq nota xemxija, billi tkejlu iktar minn 9.9 sigħat ta’ xemx fid-29 tax-xahar. Fil-fatt, Novembru kien xahar iktar xemxi mis-soltu; ix-xemx iddiet għal medja ta’ 6.2 sigħat kuljum, u sal-aħħar tax-xahar tkejlu total ta’ 186.5 sigħat ta’ xemx.