Internazzjonali

Ġermanja: Jinvestigaw il-ftuħ tal-qabar tan-Nażista, Reinhard Heydrich

Il-pulizija ta’ Berlin qed tipprova ssib il-persuna jew persuni li fetħu l-qabar tal-eks uffiċjal tal-SS Nażista, Reinhard Heydrich, li, fl-1942 – waqt l-eqqel tat-Tieni Gwerra — kien inqatel mill-ġellieda tar-reżistenza fl-eks Ċekoslovakkja.

Heydrich – imlaqqam ‘Il-Bojja’ — kien strumentali fl-omiċidju tal-massa tal-Lhud tal-Ewropa taħt idejn il-Ġermanja Nażista.

Hu kien jamministra fuq ir-reġjuni ta’ Bohemia u Moravia (territorju stabbilit min-Nażisti wara l-okkupazzjoni tal-eks Ċekoslovakka, fl-1939 ) sa Mejju tal-1942, meta l-partiżani Ċeki kienu attakkaw il-karozza tiegħu – bin-Nażista, wara, imut mill-ġrieħi li kien ġarrab.

B’ritaljazzjoni għall-qtil ta’ Heydrich, in-Nażisti kienu qerdu l-villaġġ ta’ Lidice, fejn qatlu lill-irġiel u s-subien adolexxenti kollha, bin-nisa u t-tfal jispiċċaw iddeportati lejn il-kampijiet tal-konċentrazzjoni.

Intant, kien proprju ħaddiem maċ-ċimiterju inkwistjoni, fiċ-ċentru ta’ Berlin, li induna li xi ħadd kien fetaħ il-qabar ta’ Heydrich — bil-pulizija tgħid, fl-aħħar sigħat, li ‘ma kienu nsterqu l-ebda għadam’ mill-post.

Il-ftuħ jew tbagħbis ta’ qabar, skont il-liġi tal-Ġermanja, jitqies bħala reat li jista’ ikun suġġett għal process ġudizzjarju.  Jidher, intant, li l-qabar inkwistjoni infetaħ ‘minn persuna li kienet taf dwar il-lokalità tagħha’.

Il-qawwiet tal-Alleati, fl-aħħar tat-Tieni Gwerra, kienu deċidew li l-oqbra tan-Nażisti prominenti ma kellhomx ikunu mmarkati , bil-għan li s-sostenituri tan-Nażi ma jibdlux l-oqbra f’postijiet ta’ qima.