Il-Bank of Valletta se jkun qed jaġġorna s-sistemi tal-IT u għaldaqstant se jkun qed joffri servizzi limitati mill-Ġimgħa 27 ta’ Diċembru 2019. Il-Bank se jkun magħluq għan-negozju nhar it-Tnejn 30 u t-Tlieta 31 ta’ Diċembru 2019 u l-Erbgħa 1 ta’ Jannar 2020 (Festa Pubblika). Il-Bank jerġa’ jiftaħ għan-negozju u joffri s-servizzi bankarji minn nhar il-Ħamis, 2 ta’ Jannar 2020 fit-8.30 am.
Matul dan il-perjodu, il-klijenti jkunu jistgħu jkomplu jużaw il-BOV Cards u l-BOV Pay b’mod normali fil-ħwienet, ristoranti u l-positijiet l-oħra kollha, lokalment, barra minn Malta u onlajn. Barra minn hekk, ġbid ta’ flus u ċċekkjar tal-bilanċ jibqgħu disponibbli mill-ATMs kollha tal-BOV. Il-klijenti jistgħu wkoll jiġbdu l-flus minn ATMs oħra lokalment u barra minn Malta (tariffi normali japplikaw). Il-Customer Service Centre se jkun qed jopera sabiex il-klijenti jkunu jistgħu jirrapportaw BOV Cards mitlufin jew misruqa u każijiet ta’ frodi.
Is-servizzi bankarji l-oħra kollha, inkluż pagamenti, BOV Internet Banking u BOV Mobile Banking mhux ser ikunu disponibbli matul dan il-perjodu ta’ aġġornament tas-sistemi tal-IT.
Il-Bank iħeġġeġ lill-klijenti tiegħu sabiex iwettqu t-tranżazzjonijiet bankarji li jeħtieġu għal dan il-perjodu, sal-Ġimgħa 27 ta’ Diċembru 2019 skont il-ħinijiet indikati hawn fuq, inkluż trasferimenti lejn il-kontijiet tal-Cards tagħhom sabiex ikollhom aċċess għal biżżejjed fondi ta’ flus tul dan il-perjodu.
L-aġġornament tas-sistemi tal-IT huwa proċess li jirrikjedi s-sospensjoni temporanja tal-operazzjonijiet normali tal-Bank. Il-Bank jiskuża ruħu għal din l-interruzzjoni temporanja tas-servizzi u għal kull inkonvenjent ikkawżat lill-klijenti.
Iktar informazzjoni dwar il-ħinijiet tal-qtugħ tas-servizzi jinstabu fuq www.bov.com/content/upgrade. Il-klijenti huma mħeġġa jżuru din il-paġna għal aġġornamenti importanti. Il-klijenti jistgħu wkoll iċemplu fuq +356 21 247 822 jew jibagħtu imejl fuq systemupgrade@bov.com.
//= $special ?>