Wara li l-Qorti sabet li l-Avukat Ġenerali kiser il-Kostituzzjoni u d-drittijiet fundamentali ta’ Adrian Delia bħala Kap tal-Oppożizzjoni, u bil-pressjoni qawwija li saritlu mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista biex jingħata kopja tar-rapport Egrant immedjatament wara s-sentenza tal-istess Qorti, l-Avukat Ġenerali Peter Grech bagħat kopja tar-rapport tal-inkjesta maġisterjali.
Eżatt wara s-sentenza tal-Qorti, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni Adrian Delia mar fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali biex jingħata kopja immedjatament. Dan wara li kien ilu sentejn jipprova jaħbi dan ir-rapport, bl-Avukat Ġenerali ried li jirbaħ aktar ħin u jgħaddu jumejn oħra qabel jgħaddi kopja tar-rapport lil Adrian Delia.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni mhux biss għamel pressjoni biex jingħata kopja immedjatament iżda wkoll qal li l-Avukat Ġenerali kellu jirriżenja minnufih wara d-deċiżjoni tal-Qorti li ddikjarat li kiser il-Kostituzzjoni, li suppost għandu jiddefendi u l-Konvenzjoni Ewropea.
Il-kawża li kien fetaħ Adrian Delia hija rebħa kbira għall-poplu Malti u Għawdxi fil-ġlieda sabiex toħroġ il-verità kollha u biex issir ġustizzja. Dan meta l-Avukat Ġenerali Peter Grech kien għażel li jibqa’ jiddefendi ‘l ftit f’Kastilja u ma riedx li jagħti kopja sħiħa tar-rapport dwar Egrant lill-Kap tal-Oppożizzjoni għax ma kienx se jħallih fil-kexxun u bid-deċiżjoni tiegħu ħoloq żbilanċ kbir politiku bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni.