Lokali Qorti

Il-Qorti Kostituzzjonali tilqa’ t-talba ta’ Adrian Delia biex jingħata kopja sħiħa tar-Rapport Egrant

Fl-Appell, il-Qorti Kostituzzjonali ordnat lill-Avukat Ġenerali sabiex jagħti kopja sħiħa tar-Rapport Egrant lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia. Il-Qorti preseduta mill-Prim Imħallef Joseph Azzopardi u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul filwaqt li rrevokat l-ewwel sentenza qalet li l-fatt li ma ngħatatxc kopja lil Delia, kien ifisser li nksiru d-drittijiet fundamentali tiegħu.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti Kostituzzjonali ma’ laqgħetx it-talba biex l-Avukat Ġenerali jippubblika r-rapport sħiħ hu, iżda ma għamlet ebda impediment fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni f’dan is-sens.

Il-Qorti tal-Appell ma qablitx mal-konklużjonijiet tal-l-Imħallef Robert Mangion li kien ċaħad it-talbiet tal-Kap tal-Oppożizzjoni biex jiġi ppubblikat b’mod sħiħ ir-rapport tal-inkjesta Egrant.

Il-kawża kienet ukoll dwar il-libertà tal-espressjoni filwaqt li Delia dejjem saħaq li ħadd ma jaf ta’ min hi l-kumpanija Egrant. F’Awwissu tal-2018, Delia fetaħ kawża l-qorti kontra l-Avukat Ġenerali Peter Grech sabiex jiġi ppubblikat ir-rapport sħiħ tal-inkjesta għax allega li kien qed jiġi ddiskriminat.

L-Avukat Vincent Galea, li deher għal Delia argumenta kemm il-darba li kemm l-eks Kap tal-Kommunikazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Kurt Farrugia, l-avukat Pawlu Lia li huwa l-avukat personali ta’ Muscat, u l-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici, kollha rċievew kopja tar-rapport.

Kien qam ukoll il-punt li tliet Mnistri oħra, Edward Scicluna, Konrad Mizzi u Chris Cardona kellhom aċċess għar-rapport. L-argument tal-Avukat Ġenerali kien li jekk huwa kien se jagħti kopja lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, dan ikun għal skopijiet politiċi iżda li tgħaddi kopja tar-rapport lill-uffiċjali tal-Partit Laburista m’hemm xejn ħażin.

Il-konklużjonijiet tal-inkjesta kienu ppubblikati s-sena l-oħra, iżda l-Avukat Ġenerali kien tal-parir li r-rapport kollu ma jiġix pubblikat. Adrian Delia, li ngħata raġun dejjem argumenta li l-Oppożizzjoni ma tistax tkun għassies tajjeb tad-demokrazija mingħajr aċċess għar-rapport sħiħ.

Delia dejjem saħaq li l-konklużjonijiet biss tar-rapport mhumiex biżżejjed, u anke jekk dawn jitkellmu dejjem tenna li hemm 1,400 paġna oħra li ħadd ma jaf x’fihom. Ir-rapport għandu jiġi ppubblikat kollu u mhux biss siltiet minnu.