Lokali Qorti

Il-Qorti tikkonferma l-libertá proviżorja fil-konfront tas-suldati mixlijin bil-qtil ta’ Cisse

Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Edwina Grima kkonfermat deċiżjoni tal-Qorti tal-Maġistrati biex żewġ suldati mixlijin bil-qtil ta’ Lassana Cisse, immigrat mill-Kosta tal-Ivorju, liema qtil qed jingħata t-timbru razzista, jingħataw il-libertà proviżorja.

L-Avukat Ġenerali kien appella mid-deċiżjoni tal-Maġistrat Ian Farrugia wara li Lorin Scicluna, ta’ 22 sena u Francesco Fenech, ta’ 21 sena kienu ngħataw il-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €30,000, u garanzija personali ta’ €20,000 u bil-patt u l-kundizzjoni li jkunu d-dar bejn is-7pm u s-6am kuljum.

Huma wkoll iridu jiffirmaw ukoll fl-Għassa tal-Pulizija kuljum. Is-suldati kienu ilhom taħt arrest preventiv sa minn mindu tressqu l-Qorti f’Mejju li għadda, wara li kienu ġew mixlijin li sparaw fuq Lassana Cisse u li darbu gravament żewġ immigranti oħra f’Ħal Far.

Il-Qorti tal-Appell, qalet li “mhux qed tara raġuni biex tibdel deċiżjoni mill-Ewwel Qorti.” Qalet li osservat li l-Maġistrat Farrugia, li ta d-deċiżjoni u li qed jippresedi l-kumpilazzjoni, ħa nkunsiderazzjoni ċ-ċirkostanzi kollha legali tal-każ qabel ma wasal biex jagħtli l-libertà proviżorja lill-akkużati.

Fuq kollox, il-kundizzjonijiet li ġew imponuti fil-konfront tal-akkużati huwa ‘onerużi’ u jinvolvu fost oħrajn l-iffirmar fl-Għassa tal-Pulizija kuljum, u li anke kundizzjonijiet stretti fosthom li jridu jkunu d-dar f’ħinjijiet speċifiċi u li d-depożitu u l-garanzija personali ta’ ‘ammont konsiderevoli’.

L-Imħallef Grima qalet ukoll li sa issa, kemm ilhom bil-libertà proviżorja, l-akkużati dejjem qagħdu mal-kundizzjonijiet mogħtija lilhom mill-Qorti, u qalet ukoll li ‘ma hemm l-ebda biża f’dan l-istadju li l-provi se jiġu kontaminati’ u li x-xhieda prinċipali diġa’ taw ix-xhieda tagħhom.

Aktar minn hekk, dak li qed jgħid l-Avukat Ġenerali, li dan kien każ li motivat minn razziżmu, għad irid jiġi stabbilit, qalet il-Qorti. Dwar l-argument tal-Avukat Ġenerali li r-reat joħloq riskju għal diżordni pubblika, l-Qorti tal-Appell qalet li dan l-argument ma jreġiex, għaliex irid ikun hemm il-ħtieġa li jeżistu ‘riskju reali’ anzi huwa argument ta’ fantasija jew ipotetiku.

L-Imħallef qalet li ma kien hemm l-ebda pressjoni mill-pubbliku jew xi theddid fil-konfront tas-sigurtà pubblika jew xi riskju ta’ xi ndħil lill-Prosekuzzjoni fl-investigazzjoni tagħha fit-tfittxija għall-verita. Il-Qorti qalet li l-punt ta’ diżordni pubblika ġie defenit bħala ‘atti li jinterferizzu mal-operazzjonijiet tas-soċjeta u l-abbiltà li l-poplu jiffunzjona b’mod effiċjenti.’

Qabel ma ngħatat id-deċiżjoni, l-Avukat Giannella de Marco qalet li ‘d-diżordni pubblika kienet biss relevanti għall-perjodu ta’ żmien u li issa dan skada,’ fejn hija qalet li każ li jiġi kkwalifikat skont dak li jgħid il-pubbliku, huwa serja ħafna u m’għandu qatt iseħħ.

Qalet li dan il-każ huwa differenti minn dak tal-aħwa Degiorgio, li żeffnet fin-nofs il-Prosekuzzjoni, fejn l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin u li dan verament ġab ir-reazzjoni mill-pubblikju.

L-Avukat Difensur Franco Debono qal li ‘aħna kollha napprezzaw il-valur tal-ħajja umana, u Alla ħares li hawn se nispiżżaw ikollna ġuri tal-poplu’. Saħaq ukoll li ż-żewġ akkużati dejjem qagħdu mal-kundizzjonijiet li ordnat il-Qorti u fl-ebda ħin ma ppruvaw jaħarbu jew jagħmlu xi kuntatt max-xhieda, anke wara li sar l-Appell minn naħa tal-Avukat Ġenerali.

L-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Julian Farrugia qegħdin jiddefendu lil Lorin Scicluna filwaqt li l-Avukati Giannella De Marco u Stephen Tonna Lowell qed jidhru għal Francesco Fenech. L-Avukat Arthur Azzopardi qed jidher f’isem l-immigranti.