Lokali

“Ir-rebgħa trid tiġi megħluba” – Kamra tal-Periti

Is-sitwazzjoni politika preżenti se jkollha effett tqil fuq il-periti kemm bħala individwi, professjoni u anke għall-industrija li huma jaħdmu fiha.

Sostniet dan il-President tal-Kamra tal-Periti Simone Vella Leniker waqt il-laqgħa ġenerali annwali tal-Kamra tal-Periti li saret fis-6 ta’ Diċembru li għadda.

Vella Leniker saħqet li l-Kunsill se jibqa’ kommess sabiex joħorġu lill-industrija mill-medjokrita’ u r-rgħiba li ħakmuha.

Il-President tal-Kamra tal-Periti fid-diskors tagħha kompliet tispjega kif il-kunsill kien fassal pjan ambizzjuż għas-sena 2019. Ħadmu bis-sħiħ sabiex jintlaħqu l-għanijiet minkejja l-kriżi li għaddew minnha l-professjoni u l-industrija fix-xhur tas-sajf wara l-kollass ta’ numru ta’ binjiet, it-twaqqif ħesrem ta’ xogħolijiet ta’ twaqqiegħ u ta’ skavar, u l-introduzzjoni mgħaġġla ta’ regolamenti ġodda li ma ndirizzawx il-problemi li hemm fl-industrija.

Simone Vella Leniker spjegat li sar progress sostanzjali fuq l-emendi proposti għall-Att dwar il-Periti, u li l-proposti tal-kamra għal qafas ġdid ta’ regolamenti tal-bini u tal-kostruzzjoni kienu ġew milqugħa b’mod pożittiv mill-istakeholders kollha fl-industrija.Il-Perit Vella Leniker rreferiet ukoll għad-diversi bidliet fl-industrija li l-Kamra tal-Periti saħqet dwarhom matul l-aħħar sena, u li l-Gvern ikkommetta li jwettaq permezz ta’ Ittra ppreżentata lill-Kamra tal-Periti f’Awwissu ta’ din is-sena.