Lokali

REBĦA GĦALL-POPLU: Il-Kap tal-Oppożizzjoni għandu jingħata kopja tar-Rapport Egrant

ID-DEĊIŻJONI SPJEGATA FI FTIT PUNTI:

  • Il-Qorti tordna li Adrian Delia jingħata kopja tal-Inkjesta Egrant
  • L-Avukat Ġenerali ħoloq żbilanċ politiku meta żamm ir-Rapport Egrant u għaddih biss lill-Prim Ministru u n-nies ta’ Kastilja
  • Deċiżjoni storika mill-Qorti Kostituzzjonali fi stadju ta’ appell
  • L-Avukat Ġenerali kiser id-drittijiet fundamentali tal-Kap tal-Oppożizzjoni
  • L-Avukat Ġenerali kiser il-Kostituzzjoni, li suppost jipproteġi

Kmieni dalgħodu, il-Qorti Kostituzzjonali ordnat lill-Avukat Ġenerali sabiex jagħti kopja tar-Rapport Egrant lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia. Dan wara li l-Gvern u l-Avukat Ġenerali ilhom kważi sena u nofs sħaħ jipprovaw iwaqqfu dan il-proċess – bl-Avukat Ġenerali saħansitra joħroġ stqarrija tard ilbieraħ bil-lejl, fil-jum ta’ qabel din id-deċiżjoni.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti Kostituzzjonali ma’ laqgħetx it-talba biex l-Avukat Ġenerali jippubblika r-rapport hu, iżda ma għamlet ebda impediment fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni f’dan is-sens. Il-Qorti ikkonfermat li b’din il-mossa tal-Avukat Ġenerali Peter Grech inkisru d-drittijiet fundamentali ta’ Adrian Delia bħala Kap tal-Oppożizzjoni.

F’din il-kawża l-Kap tal-PN kien assistit mill-avukat Vincent Galea.

L-Avukat Ġenerali Peter Grech

F’dik li qed titqies bħala rebħa għall-poplu Malti u Għawdxi kollu, issa dan ir-Rapport se jkun f’idejn l-Oppożizzjoni ukoll, u mhux biss f’Kastilja.

L-inkjesta dwar Egrant kienet tmexxiet minn Aaron Bugeja, li dak iż-żmien kien Maġistrat.

FI ŻVILUPPI OĦRA:

L-Avukat Ġenerali qed jibqa’ jżomm ir-Rapport Egrant milli jingħata lill-Kap tal-Oppożizzjoni.

Adrian Delia spjega lill-ġurnalisti, li l-AĠ għadu qed jaqra s-sentenza; jista’ jinvoka artiklu tal-liġi li jagħtih jumejn limitu biex jgħaddi r-Rapport lill-Kap tal-Oppożizzjoni.