Futbol Sport

Jispikkaw R. Madrid v Man City u A. Madrid v Liverpool fl-aħħar 16 tal-UEFA Champions League

(Ritratt: UEFA.com)

Ftit tal-ħin ilu telgħu l-poloz tal-fażi tal-aħħar 16 tal-UEFA Champions League. L-ewwel logħbiet jintlagħbu fit-18, 19, 25 u 26 ta’ Frar filwaqt li l-partiti ta’ ritorn jintlagħbu fl-10, 11, 17 u 18 ta’ Marzu. F’kull data jintlagħbu żewġ logħbiet.

Il-logħbiet tal-fażi tal-aħħar 16

Borussia Dortmund v Paris-Saint Germain

Dortmund rebħu l-UEFA Champions League fl-1997. Dan se jkun ritorn għall-kowċ ta’ PSG Thomas Tuchel li mexxa lil Dortmund bejn l-2015 u l-2017.

Real Madrid v Manchester City

Real Madrid hu l-aktar klabb li rebaħ il-kompetizzjoni b’total ta’ 13-il suċċess. Manchester City waslu sas-semifinali fl-2016.

Atalanta v Valencia

Atalanta se jilagħbu din il-fażi għall-ewwel darba. Fuq in-naħa l-oħra, Valencia se jilagħbu f’din il-fażi għall-ewwel darba mill-istaġun 2012.13.

Atletico Madrid v Liverpool

Atletico Madrid huma tliet darbiet finalisti tal-kompetizzjoni filwaqt li Liverpool huma ċ-champions Ewropej, rebħu l-kompetizzjoni sitt darbiet u rebħu l-finali tal-istaġun li għadda li ntlagħbet proprju fil-Wanda Metropolitano.

Chelsea v Bayern Munich

Chelsea rebħu l-UEFA Champions League fl-2012. Dakinhar huma għelbu lil Bayern Munich u l-istaġun li għadda rebħu l-UEFA Europa League. Il-Ġermaniżi rebħu l-logħbiet kollha tal-grupp.

Olympique Lyon v Juventus

Din hi l-11-il darba li Olympique Lyon jinsabu f’din il-fażi. Din hi s-sitt edizzjoni konsekuttiva li Juventus jinsabu mal-aħħar 16.

Tottenham v Leipzig

Tottenham huma finalisti fl-istaġun li għadda iżda qatt ma rebħu l-kompetizzjoni. Leipzig ikkwalifikaw għal din il-fażi għall-ewwel darba.

Napoli v Barcelona

Din hi t-tielet darba fl-aħħar snin li Napoli jinsabu mal-aħħar 16. Barcelona huma ħames darbiet rebbieħa tal-kompetizzjoni u rebħu l-grupp tagħhom fl-aħħar 13-il staġun.