Lokali

L-Avukat Ġenerali għandu jirriżenja immedjatament wara li ġie kkundannat mill-Qorti

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ħabbar li xejn mhu se jżommu milli jippubblika r-rapport sħiħ tal-Inkjesta dwar il-kumpanija Egrant. Dan wara li jieħu parir legali u jiżgura li l-pubblikazzjoni sħiħa tar-rapport tkun fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi.

Waqt messaġġ li wassal fuq Net Television, Adrian Delia fisser il-ġudizzju tal-Qorti bħala rebħa kontra l-kriminalità organizzata.

Adrian Delia tenna mill-ġdid it-talba għar-riżenja tal-Avukat Ġenerali Peter Grech, li nstab ħati li kiser il-Kostituzzjoni, li suppost jipproteġi.

“Il-Qorti Kostituzzjonali llum tat raġun lill-Oppożizzjoni filwaqt li sabet li l-Avukat Ġenerali kiser l-ogħla liġi tal-pajjiż, liġi li hu ħalef li jipproteġi. Fid-dawl ta’ dan, l-ewwel konklużjoni hija ovvja u għandha tkun immedjata. L-Avukat Ġenerali għandu jirriżenja minnufih. Huwa ilu snin jonqos milli jagħmel dmiru. Illum mhux qed iġorr biss errors of ommission. Illum irid iġorr ir-responsabbiltà mhux biss li m’għamilx xogħlu imma talli kiser il-liġi,” iddikjara l-Kap tal-Oppożizzjoni, li hu wkoll Kelliem għall-Ġustizzja u l-Governanza Tajba Adrian Delia.

Qal ukoll li d-deċiżjoni finali tal-Qorti hi konferma kemm l-istituzzjonijiet f’pajjiżna huma maħtufa mill-Gvern Laburista.

“L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali suppost qiegħed hemm biex iħares l-interess ta’ kull wieħed u waħda minnha u mhux biex jipproteġi interessi partiġġjani, kif ġara f’dan il-każ. Joħroġ iżjed fil-beraħ il-bżonn tar-riformi Kostituzzjonali biex niggarantixxu li pajjiżna qatt ma’ jerġa’ jispiċċa fis-sitwazzjoni li qiegħed fiha llum.”

Adrian Delia qal li l-konferma tal-Qorti li l-Avukat Ġenerali kisirlu d-drittijiet fundamentali tiegħu u li, għal kważi sentejn, ħeba dan ir-rapport għalxejn, huma konferma li pajjiżna għandu bżonn riforma kostituzzjonali urġenti. Dan biex pajjiżna ma jerġax jispiċċa kif spiċċa llum.

Fakkar li l-Kabinett Laburista ripetutament esprima l-approvazzjoni tiegħu għall-aġir tal-Prim Ministru Joseph Muscat.Fid-dawl ta’ dan fisser lill-Kabinett Laburista bħala komliċi biex il-ġustizzja ma ssirx, f’aġir li wassal lil pajjiżna għall-kriżi li ninsabu fiha. Qal li għalhekk il-membri tal-Kabinett, li huma parti mill-problema, ma jistgħu qatt ikunu s-soluzzjoni.