Ekonomija Lokali

“L-eskalazzjoni tal-inċertezza politika x’aktarx li żżid mar riskji negattivi” – il-Bank Ċentrali ta’ Malta

Il-ħarsa 'il quddiem tibqa' pożittiva, iżda b'kawtela

F’rapport maħruġ dalgħodu, il-Bank Ċentrali ta’ Malta esprima kawtela fl-analiżi tiegħu dwar l-andament ekonomiku għax-xhur li ġejjin.

Skont ir-rapport, filwaqt li l-Bank Ċentrali ta’ Malta jistenna li t‑tkabbir ekonomiku jibqa’ mgħaġġel matul is‑snin li ġejjin u jkun f’medja ta’ 4.1% bejn l‑2019 u l‑2022, ir-realta’ tal-kriżi politika preżenti qed tħalli l-effetti tagħha.

Fir-rapport jingħad b’mod ċar li “l‑eskalazzjoni riċenti tal‑inċertezza politika domestika x’aktarx se twassal għall‑posponiment fil‑konsum privat u l‑investiment”. Dan meta wieħed iħares lejn l-effetti immedjati ta’ din il-kriżi.

Apparti dan, il-Bank Ċentrali jirreferi ukoll għall-effett li se jkollu Brexit fuq l-ekonomija tagħna, li bla dubju se jħalli wkoll impatt.

Skont l-istess rapport, l‑inflazzjoni annwali, ibbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet hija mistennija li tbatti bi ftit fl‑2019, qabel ma titla’ għal 1.9% sal‑2022.

Dan it-tħassib serju tal-Bank Ċentrali ta’ Malta jiżdied mat-tħassib li diġa’ ġie espress minn diversi unions u Korpi Kostitwiti, u anke mill-Kap tal-PN Adrian Delia li mal-ewwel kien sejjaħ lill-membri tal-MCESD biex tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni b’mod urġenti.