Internazzjonali

L-Indja: Appell għall-kalma fost protesti vjolenti

Il-Prim Ministru tal-Indja, Narendra Modi, appella għall-kalma meta daħlu fil-ħames jum il-protesti vjolenti kontra liġi ġdida dwar l-immigranti illegali.

Id-dimostrazzjonijiet qed isiru fil-kapitali Delhi, kif ukoll f’Mumbai, Hyderabad u Kolkata. Il-protesti ġodda seħħew l-għada ta’ konfronti kbar , f’Delhi, bejn il-pulizija u d-dimostranti li ħallew għexieren tal-midruba.

Id-dimostranti huma rrabjati dwar liġi li tippermetti ċ-ċittadinanza għal xi immigranti mhumiex Musulmani li ġejjin minn tliet pajjiżi fejn il-maġġoranza tar-residenti huma Musulmani. Intant, hemm raġunijiet differenti għalfejn in-nies qed joħorġu fit-toroq – b’xi kritiċi jgħidu li l-liġi hi waħda ‘anti-Musulmana’ u b’residenti fir-reġjuni tal-Indja qrib il-fruntiera jesprimu l-inkwiet dwar immigrazzjoni fuq skala enormi.

Mietu numru ta’ nies fil-protesti li bdew nhar il-Ħamis fl-Istat ta’ Assam qabel infirxu lejn bnadi oħra fit-tramuntana u l-lvant tal-pajjiż. Intant, Modi mar fuq Twitter biex iħeġġeġ l-għaqda waqt li l-istudenti kienu qed ikomplu bil-protesti tagħhom.