Lokali Qorti

Mixli b’serq ta’ flus u vann ta’ missieru

Raġel miż-Żejtun ġie mixli li seraq flus kontanti, ċwievet u vann li huwa propjetà ta’ missieru. Luke Micallef ta’ 29 sena tressaq quddiem il-Maġistrat
Donatella Frendo Dimech mixli li seraq mazz ċwievet, €230 fi flus u vann Fiat Dublo lil missieru.

Huwa ġie mixli wkoll b’serq aggravat bil-ħin u l-lok ta’ meta seħħ ir-reat.
L-Ispettur Roderick Attard qal li l-Pulizija rċeviet rapport ta’ serqa minn missier l-akkużat nhar il-Ħamis, 7 ta’ Diċembru.

Mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li s-suspettat kien Micallef u għalhekk kien qed jitressaq il-Qorti mixli b’dawn l-akkużi. L-Avukat Ishmael Psaila qal li l-klijent tiegħu mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih u anke għamel talba għal libertà proviżorja.

Din ingħatatlu fuq garanzija personali ta’ €5,000 u bil-kundizzjoni mill-Qorti li l-akkużat jiffirma darbtejn fil-ġimgħa fl-Għassa tal-Pulizija tal-lokal.